Kif kien mistenni: Temperaturi tad-deżert…u ċlampu

Kif kien mistenni llum kulħadd qam għal sħana li taqtagħlek nifsek. Żewweġ din maċ-ċlampu li firex fuq inħawi wiesgħa tal-gżira, u r-riżultat aktarx ikun ftit aktar tgergir mis-soltu.
Is-sit First Malta lbieraħ qal li t-temperatura se titla' sa 36 grad, iżda tibda tinħass anki 41 grad.
Is-sit kompla jgħid li llum se tkun “l-agħar ġurnata tal-perjodu ta’ sħana li mistenni jilħaq lil gżejjer Maltin.”
Fil-verità wieħed diġà seta’ jħoss mil-lbieraħ iż-żiffa sħuna li akkumpanjat it-temperatura ta’ 35 grad li ma qatgħetx jum sħiħ.
Fil-fatt, jispjega s-sit, illum massa ta’ arja sħuna se timxi mill-Punent lejn iċ-ċentru tal-Mediterran, b’temperaturi li jilħqu l-ogħla ta’ 37 grad, iżda jinħassu 40 jew 41 grad.
Ir-riħ lanqas se jgħin biex itaffi ftit, hekk kif se jkun forza 2 jew 3.
Minkejja da, bħal li kieku m’hemmx sħana mingħajr frisk, is-sit ikompli jgħid li għada dan kollu msemmi hawn fuq se jbatti hekk kif riħ u mewġ għoli mistennijin jilħqu lill-pajjiż sal-Ħamis.
L-iktar mewġ għoli jidher li se jolqot iż-żoni esposti għall-Majjistral, għalhekk huwa avviżat li jiġu evitati l-bajjiet esposti.
X'tista' tagħmel biex tikkumbatti s-sħana?
Wieħed qatt ma jista’ jieqaf jirrepeti, donnu bħal pappagall, li f’temperaturi hekk kemm jista’ jkun tevita li tkun direttament fix-xemx. Apparti s-sħana, hemm l-indiċi tal-UV li għada se jkun 9, skont l-Uffiċju Meterjoloġiku.
Ilma: lanqas jekk tispiċċa tmur it-tojlit kull 20 minuta, importanti li tixrob imqar 2 litri, jekk ma tridx tinxef bħal qasba fix-xagħri.
L-anzjani, speċjalment, għandhom jevitaw l-agħar ħinijiet tax-xemx.
U bilħaqq, tinsiex li dik il-krema maġika tax-xemx mhix hemm biex jgħaddi s-sajf u ma tinħeliex!
Ritratt: First Malta