“Għal Ġesù l-bniedem mhux biss numru”

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech spejga kif għal Ġesù l-bniedem mhux numru imma isejjaħlu b’ismu. Dan qalu waqt l-omelija ta’ Quddiesa fil-Bażilika tal-Qabar Imqaddes f’Ġerusalemm.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Grech sostna li d-dnub huwa parti mill-istorja ta’ kull bniedem, iżda dan ma jfissirx li l-bniedem mhux se jara wiċċ Alla. Irrimarka li l-qabar ta’ Kristu huwa l-post fejn Kristu, wara li kien iltaqa’ ma’ Ommu Marija, għamel l-ewwel dehra tiegħu bħala Rxuxtat lil Marija ta’ Magdala, il-mara midinba li minnha kien keċċa seba’ demonji.

Mons. Grech sostna li Ġesù ma ddeċidiex li jidher lil Pietru, jew lil Ġwanni, iżda għażel lil Marija ta’ Magdala “għax, għalkemm kienet midinba, kellha qalb kbira: kienet tħobbu ħafna għax kienet ġarrbet xi tfisser il-fidwa li wettaq Ġesù.”

Quddiem is-Santu Sepulkru, sostna li jixtieq li l-bnedmin jisimgħu lil Ġesù jsejħilhom kif sejjaħ lil Marija ta’ Magdala. Irrimarka li Ġesù jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom u mhux se jinsa dan l-isem. Sostna li Marija ma għarfitx lil Ġesù għax ratu, imma għax semgħet leħnu. L-istess għall-bniedem li lil Ġesù ma jarahx imma jisma’ l-Kelma tiegħu kontinwament.