Aġġornata: Għal darb’oħra drenaġġ f’Ras il-Ħobż

Il-Viċi Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi qal li aktar kmieni din il-ġimgħa rċieva filmat u ritratt li ttieħdu minn bugħaddas f’Ras il-Ħobż. Hu sostna li dan ir-ritratt jikkuntrasata dak li l-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma qalet ġimgħa qabel, iġifieri li Ras il-Ħobż qeda taħt kontroll.

Huwa appella biex l-awtoritajiet iqumu mir-raqda u jindirizzaw b’mod serju din is-sitwazzjoni, li skont Cauchi laħqet livelli gravi.

‼️DRENAGG QRIB IX-XATT L-AHMAR ‼️Ghadni kif rċivejt dan ir-ritratt mehud minn diver f’Ras il-Hobz jumejn ilu fil…

Posted by Kevin Cauchi on Friday, May 3, 2019

Dan mhux l-ewwel każ li ġie rrappurtat ħmieġ f’din iż-żona. Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra bosta bugħaddasa qalu li huma u jogħdsu fi nħawi differenti f’Malta, b’mod speċjali f’Ras il-Ħobż f’Għawdex, m’mod regolari kienu qed jiltaqgħu ma’ ħmieġ kannella, u wħud minnhom qabdithom infezzjoni f’widnejhom. Drabi oħra, ilmentaw li ltaqgħu ma’ żbroff ta’ drenaġġ li kien sejjer dritt fil-baħar u oħrajn qalu li spiċċaw jgħoddsu ġo ilma kannella.

Ma ħariġx drenaġġ mhux ipproċessat iżda ħareġ tender għat-tiswijiet

Sample tal-ilma. Ritratt ippubblikat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Kelliem għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal li reġa’ ħareġ it-tender għat-tiswijiet tal-bokka tad-drenaġġ li qal li din se tkun tinkludi diffuser. Dan fl-istess stqarrija li bagħat lil Newsbook.com.mt biex jgħid li fil-ġimgħat li għaddew ma ħariġx drenaġġ mhux ipproċessat mill-istess post problematiku fix-Xatt l-Aħmar.

Huwa qal li l-filmat ippubblikat qiegħed jiġi investigat u fl-istess waqt fisser kif l-impjant f’Ras il-Ħobż qed jaħdem drastikament aħjar mis-sajf li għadda. Qal li l-Korporazzjoni hija kommessa li tkompli taħdem biex ittejjeb it-teknoloġija li tuża biex issaffi l-ilma li jgħaddi.