Għal darb’oħra: missila sparata mill-Korea ta’ Fuq lejn il-Ġappun

Ufficjali  ta' l-Istati Uniti qalu li l-Korea ta’ Fuq sparat missila fid-direzzjoni tal-Ġappun.
Din kienet il-11-il missila sparata dis-sena mill-Korea ta’ Fuq. L-għejjun Amerikani qalu li din ġiet sparata minn qrib il-kapitali Pyongyang u 37 minuta wara waqgħet fl-ibħra Ġappuniżi.
Il-Korea ta’ Isfel irrappurtat li l-missila ġiet sparata għall-ħabta tas-2am, ħin Malti, u vvjaggat madwar 930 km.
Għalkemm l-uffiċjali Amerikani li rrappurtawha qalu li ma kinitx ta’ periklu għall-Istati Uniti, it-tensjoni kompliet tikber bejn iz-zewg pajjizi anke wara li l-aħħar missili sparati kienu f’Mejju li għadda, wkoll kienu diretti lejn il-Ġappun, meqjus bħala alleat tal-Istati Uniti.
Sadanittant, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, qal li l-Ġappun jingħaqad b'ruħu u b'ġismu mal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-Korea ta' Fuq ħalli din ma tissuktax b'dawn it-testijiet.
Irrimarka li beħsiebu wkoll jitkellem mal-President Ċiniż, Xi Jinping, u dak Russu, Vladimir Putin, li mistennija jiltaqgħu, sabiex iċ-Ċina u r-Russja jkollhom irwol aktar kostruttiv f’din il-kwistjoni.
Il-President Amerikan, Donald Trump, irreaġixxa għal dan l-att bi tweet, fejn irrefera għall-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, meta qal, “Possibbli dal-bniedem m’għandux affarijiet interessanti oħra x’jagħmel?”.
Drabi oħra rrefera għalih bħala pretty smart cookie.