Għal Alla aħna l-aktar ħaġa prezzjuża

Papa Franġisku jqaddes għat-terremotati tal-Marche li ilhom tliet snin jippruvaw jibnu l-futur

Fi tmiem il-ġimgħa il-Papa Franġisku żar iż-żona tal-Marche fl-Italja u b’mod partikolari il-lokalita’ ta’ Camerino, li tliet snin ilu kienu ntlaqtu minn terremot qawwi li fih mietu madwar 300 ruħ, u ra li l-poplu ta’ dawn il-postijiet għadu jissielet mal-effetti ta’ dak id-diżastru naturali.

Il-Papa ċċelebra quddiesa fil-beraħ u fl-Omelija rrifletta fuq Salm 8 u partikolarment fuq il-kliem tas-Salm: ‘niftakru’, ‘tama’ u ‘qrib’.

It-terremot kien seħħ fl-24 ta’ Ottubru u sitt ijiem wara l-istess inħawi kienu ntlaqtu minn terremot ieħor. Barra min-nies mejta it-terremot kien qered ukoll bosta djar u bini ieħor.

Il-Papa Franġisku beda l-Omelija tiegħu billi rripeta l-kliem tas-Salm: “X’inhu l-bniedem li int moħħok fih?” Qal li dan il-kliem ġie f’moħħu meta ħaseb fuq il-poplu ta’ dawn l-inħawi: “Iffaċċjati b’dak li għaddejtu minnu u sofrejtu, bi djar imwaqqa’ u bini mġarraf, tqum id-domanda: X’inhu l-bniedem? X’inhu l-bniedem jekk il-ħolm tiegħu jista’ jispiċċa fi trab?”

Niftakru   

Il-Papa reġa’ kkwota mill-istess salm u uża l-kelma “niftakru” u bi tweġiba għall-mistoqsija ‘X’inhu l-bniedem?’ qal li “Alla jiftakar fina kif aħna, fid-djufija tagħna. Jiġi giħandna fil-qalb, għax aħna Qalbu. Aħna nistgħu nkunu żagħar quddiem is-sema u bla saħħa meta d-dinja titheżżeż, imma għal Alla aħna l-aktar ħaġa prezzjuża”.

“Niftakru”, hi kelma important f’ħajjitna, qal Papa Franġisku. “Meta niftakru nsibu s-saħħa biex ma nċedux”. Hu ammetta li l-memorji negattivi jirritornaw, anke meta ma rridux. Biex neħilsu “mill-memorji ħżiena li jżommuna priġunieri u jipparalizzawna għandna bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd li jġorrilna dan il-piż li hemm fina”.

Ġesù ma joffrilniex “soluzzjoni faċli u ħafifa” li jneħħilna t-toqol”, spjega l-Papa imma “jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu, li jikkonfortana u jibdel il-feriti tal-imgħoddi f’memorji ta’ salvazzjoni għax l-Ispirtu s-Santu hu dak li jerġa’ jibni t-tama”.

It-tama

Il-Papa mbagħad tkellem dwar it-Tama. “It-tamiet tad-dinja jaħarbu u dejjem ikollhom data meta jiskadu, iżda t-Tama tal-Ispirtu s-Santu hi tama dejjiema għax bażata fuq il-fedeltà t’Alla”. Din hi t-tama li tikkonferma li m’aħniex weħidna, żied jgħid il-Papa.

“Din hi tama li għandha għeruq sodi li ebda tempesta tal-ħajja ma tista’ teqred. Din hi t-tama li skont San Pawl “ma tiddiżappuntax”.

Hu rrifera għall-festa tas-Santissima Trinità li kienet ċelebrata dakinhar u qal li “It-Trinità m’hix xi taħbila teloloġika, imma l-misteru sabiħ ta’ kemm Alla hu qrib tagħna.” Alla mhux “hemm fuq, ‘l bogħod jew indifferenti”. Alla jibgħatilba l-Ispirtu għax jaf li “hu aktar diffiċli li ssewwi milli tibni”.

Papa Franġisku qal li għaddew kważi tliet snin mit-terremot tal-2016. “Ir-riskju hu li wara l-ewwel emozzjonijiet u aħbarijiet fil-gazzetti, l-attenzjoni tispiċċa u l-wegħdi li jkunu saru jintesew. Iżda Alla jgħinha biex niftakru, insewwu u nibnu mill-ġdid flimkien bla ma ninsew lil dawk li qed isofru”.

“Ġejt hawn illum biex inkun qrib tagħkom”, temm jgħid il-Papa. “Ġejt biex nitlob magħkom lil Alla li jiftakar… Alla tat-tama… Alla li hu qrib tagħna… biex dak li mhux sod fuq din l-art ma jheżżisx iċ-ċertezza li hemm fina”.