Filmat: Għajta waħda kontra l-attakki fuq il-Palestinjani

“Le għal attakki, Le għat-terroriżmu”, din kienet l-għajta ta' appell ta' għexiren ta’ nies li ħadu sehem f’mixja ta’ solidarjetà fil-Belt Valletta għall-poplu Palestinjan.
Minn barra ammont konsiderevoli ta' Palestinjani ipparteċipaw ukoll għadd ta’ Maltin u membri mis-Soċjetà Għarbija f'Malta fejn qalu le għall-attakki li qegħdin isiru.
Matul din il-mixja intqal li l-Iżraeljani ilhom jattakkaw lill-Palestinjani għal dawn l-aħħar 66-il sena.
F'dawn l-aħħar 13-il sena, kienu qed jinqatlu tifel jew tifla kull tlett ijiem.
Saret referenza għall-aħbar traġika li f’Gaża inqatlu erbat itfal waqt li kienu qed jilgħabu l-futbol u waqt il-mixja stess inqatlu tlett itfal oħra.
Newsbook.com.mt tkellem mad-Direttriċi tas-Soċjetà Għarbija f’Malta, Sanaa El Nahhal.
Hija qalet li l-familja tagħha tinsab fil-Palestina fejn bħalissa għaddejjin l-attakki fuq Gaża.
Qalet li sagħtejn qabel bdiet din il-mixja, hija kienet f’kuntatt magħhom.
Saħqet li tixtieq titlaq minn Malta u tmur ħdejhom biex tkun hemm għall-familja tagħha f’dawn il-mumenti ta’ bżonn.
Is-Soċjetà Għarbija f'Malta enfasiżżat li hi kontra kull appoġġ li l-Gvern Malti lest li jagħti għall-applikazzjoni mill-istat Iżraeljan biex ikollu siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Id-dimostranti waqfu wkoll quddiem ħwienet partikolari fi Triq ir-Repubblika u ħeġġew lin-nies biex ma jixtrux minn għandhom għaliex fi kliemhom parti mill-profitti li jagħmlu jmorru għal dawk li qed jattakkaw il-Palestina.
Filmat: Reel8 Productions