Għajnuna lin-negozji li jqabbdu esperti biex itejbu l-operat

Launch of ‘Re-engineering and Transforming’ scheme for businesses

Il-gvern se jkopri 50% tal-ispejjeż sa €5,000 kull negozju li jingaġġa esperti biex jgħinuh jagħmel il-proċess ta’ re-engineering.

Permezz tal-iskema  ‘Re-engineering and Transforming’ għan-negozji, in-negozji se jkunu ggwidati biex jidentifikaw l-aħjar mod għalihom biex jadattaw l-operat għal dawn iċ-ċirkustanzi u b’hekk ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom.

L-iskema hija miftuħa għall-kumpaniji żgħar u medji li jħaddmu bejn 10 u 250 ruħ. L-għajnuna tingħata f’forma ta’ għotja li tkopri sa 50% tal-ispejjeż ta’ konsultazzjoni u sa massimu ta’ €5,000. Il-kumpaniji jistgħu jużaw din l-iskema darba kull 18-il xahar.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri, sostna li dan huwa ċans għan-negozji biex ikunu innovattivi, kreattivi u jipproteġu aħjar in-negozji tagħhom.

Permezz tal-iskema jingħata rapport lin-negozji li jagħti suġġerimenti ta’ xi jridu jagħmlu biex itejbu l-operat tagħhom u l-mudell ta’ operat minnu nnifsu skont l-esiġenzi ta’ dawn iż-żminijiet.

 Il-proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati għandhom ikunu ta’ natura strateġika għan-negozju u jindirizzaw għanijiet bħal:

  • Diġitizzazzjoni tal-proċessi u l-adozzjoni ta’ Internet of Things, intelliġenza artifiċjali, machine learning, predictive analytics;
  • Titjib tal-operat li jwassal għal effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u għalhekk tissaħħaħ il-kontabilità u nnaqsu l-iżbalji fil-proċessi;
  • Titjib fir-relazzjonijiet bejn id-dipartimenti, il-materjali u l-prodotti tan-negozju permezz ta’ studju ta’ kif dipartiment jaħdem ma’ ieħor;
  • Titjib ta’ sistemi li jnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent billi nidentifikaw ħela ta’ riżorsi u skart mormi;
  • L-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kwalità u proċessi ta’ ċertifikazzjoni;
  • Analiżi tal-proċessi li jwasslu l-prodott għand il-klijent u s-servizz li jingħata;
  • Analiżi tas-suq u tibdil fl-imġiba tal-konsumatur sabiex nagħtu pożizzjoni ġdida lil prodott fis-suq u jibqa’ jintlaħaq mill-klijent

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li re-engineering tan-negozji huwa kunċett li l-Kamra rrakkomandat għal snin sħaħ, madankollu, huwa biss matul waqt il-pandemija li l-importanza kruċjali tiegħu saret iktar ċara minn qatt qabel.

Fil-konferenza kien iffirmat ftehim bejn il-Malta Enterprise u ċ-Chamber of Commerce sabiex iż-żewġ naħat jaħdmu qrib xulxin għall-implimentazzjoni ta’ din l-iskema.  

Aktar informazzjoni dwar din l-iskema tinsab hawn.