Għajnuna lil tfal b’diffikultà fil-matematika

Tfal li jsibuha diffiċli biex jifhmu l-prinċipji tal-matematika, se jiġu megħjuna mill-metodu innovattiv li jġib l-isem Numico.
Numico jinvolvi sistema iktar viżiva u multisensorjali.
Il-Fondazzjoni Inspire u l-Fondazzjoni Farsons ingħaqdu biex jgħinu impjegat tagħhom jitħarreġ fin-Numico.
L-attivitajiet żviluppati f’din is-sistema nħolqu minn esperjenzi diretti mat-tfal. Huwa tagħlim li jindirizza l-iżjed il-punti tas-saħħa tat-tfal u ma jiddependix daqshekk fuq il-kapaċità tas-smigħ. L-attivitajiet huma multisensorjali li fihom l-użu ta’ forom b’disinn, vireg, linji bin-numri u fihom esperjenzi li jintrabtu mal-ħajja ta’ kuljum.
Għaldaqstant, it-trainers iħarrġu lil persuna fl-użu ta’ dan il-metodu biex ikunu jistgħu jgħallmu lill-istudenti fi klassi sħiħa jew fuq bażi individwali.
Minbarra li l-Inspire għandha għalliema akkreditati, hemm domanda kbira biex iktar membri jiġu mħarrġa f’din is-sistema.
Permezz ta’ professjonista akkreditat, se jiżdied l-ammont ta’ għalliema u edukaturi biex tiżviluppa s-sistema.
Il-Fondazzjoni Farsons, se tiffinanzja t-taħriġ għal membru ieħor mill-ħaddiema tal-Inspire biex jingħata taħriġ ta’ kwalità u jiġi ċċertifikat mill-Oxford University Press. Dan it-taħriġ wara se jingħata lill-professjonisti u lill-ġenituri biex jgħinu lit-tfal jiksbu l-potenzjal tagħhom.
Bħalissa ‘l fuq minn 500 tifel u tifla qed igawdu minn dan il-programm.