Għajnuna għall-klijenti tagħna hija għajnuna għalina – Benji Borg

Benji Borg, il-Ko-Fundatur ta’ ANCHOVY. sostna li jekk il-Gvern jgħin lill-klijenti tagħhom b’mod effettiv, mela indirettament ikun qed jgħin lilhom ukoll.

Borg, tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar xogħolu u l-mod kif dan ġie affettwat kawża tal-battalja kurrenti kontra l-imxija tal-coronavirus.

Borg spjega li l-kumpanija ANCHOVY. hija Aġenzija Diġitali li tgħin diversi ditti jsibu klijenti ġodda u jżommu lil dawk kurrenti aġġornati dwar il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Qal li l-aġenzija taħdem ma’ klijenti li ġejjin mill-oqsma tal-Istrateġija, Riċerka, Kreattività, Żvilupp tal-Prodotti u Data, fost oħrajn.

Mistoqsi dwar kif il-pandemija tal-coronavirus affettwat il-ħidma tal-kumpanija, Borg spjega li issa ilhom jaħdmu b’mod remot għal ħames ġimgħat. Qal li dan il-perjodu wera d-diversi opportunitajiet u anke n-nuqqasijiet li seta’ kien hemm fl-operat tagħhom. Minkejja dan sostna li l-bidla minn ħidma fl-uffiċċju għal waħda ta’ xogħol remot ma ġabitx daqshekk problemi magħha u l-livell ta’ produttività tal-ħaddiema baqa’ l-istess.

Borg spjega li ma kienx hemm bżonn għajnuna min-naħa tal-Gvern biex il-kumpanija tibda tiffunzjona b’mod remot, dan hekk kif il-policies ta’ remote working kienu diġà stabbiliti minn qabel. Qal iżda li bħal kwalunkwe kumpanija oħra, il-volum tax-xogħol tagħhom kien affettwat u sostna li bħalissa dak hu l-aktar test reali għall-kontinwità tan-negozju għal kulħadd.

Mistoqsi dwar x’inhu s-sapport li jaħseb li kumpanija bħal tiegħu għandha bżonn mill-Gvern f’dan iż-żmien, Borg sostna li jekk il-gvern jgħin lin-negozji klijenti tiegħu isalvaw, mela indirettament ikun qed jgħin lilhom ukoll. Qal li jekk il-klijenti tiegħu ikomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom, mela innegozju tiegħu mhux se jkollu bżonn daqshekk għajnuna. Qal iżda dan jiddependi wkoll fuq it-tul ta’ dan il-perjodu ta’ inċertezza u l-kontinwità. Qal li bħal ħafna negozji oħrajn, għandhom bżonn l-għajnuna fejn tidħol l-akbar spiża tagħhom, ir-riżorsi umani.

Intant, mistoqsi dwar kif qed iqatta’ l-ħin liberu tiegħu, Borg spjega li hu jmur għal għawma għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu biex isostni s-saħħa fiżika u anke dik mentali tiegħu. Qal li qed isajjar ħafna aktar. Borg qatta’ ħafna minn ħajtu jbaħħar u saħansitra kien għamel tliet snin jippratika dan biex jikkompeti fl-Olimpjadi.

Bħalissa Malta tinsab għaddejja minn perjodu ta’ inċertezzi li fih qed ibatu ħafna negozji f’oqsma differenti. Il-Gvern sema’ wkoll il-karba tal-midja, li huwa qasam ieħor li laqqat daqqa ta’ ħarta f’dan iż-żmien hekk kif qed jaffaċċja telf kbir. B’rabta ma’ dan il-Gvern issa qal li se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lill-midja minħabba s-sitwazzjoni li ħoloq il-coronavirus.. Newsbook.com.mt flimkien ma’ 60 entità oħra kienu appellaw lill-Gvern biex jagħti widen lis-settur sabiex ikun jista’ jsalpa f’din il-maltempata.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn