Għajnuna fuq il-baħar: Ambulanza tal-ilma u jet ski għall-ERRC

MTCP, MGOZ

L-ERRC żiedet żewġ vetturi mal-flotta tagħha sabiex tkun tista’ tassisti aħjar persuni li jsibu diffikultà fil-baħar f’Għawdex u Kemmuna. L-Ambulanza fil-baħar u l-jet ski kienu mibnija speċifikament għal dan il-għan.

Il-faċilitajiet il-ġodda tnedew mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fil-port tal-Imgarr.

L-ERRC ilha għal dawn l-aħħar disa’ snin toffri servizzi professjonali ta’ lifeguard fil-ħames  bajjiet f’Għawdex u tnejn f’Kummuna.

Fid-diskors tagħha l-Ministru Farrugia Portelli qalet li matul is-sajf 2019, l-ERRC assistew 6,823 persuna f’każijiet li kienu jvarjaw minn feriti ħfief għal oħrajn li kienu jeħtieġu li l-persuni jittieħdu l-isptar b’emerġenza. Żiedet li l-Awtorità tat-Turiżmu se tkun qed tagħmel investiment ta’ €350,000 sabiex is-servizz li toffri l-ERRC f’Għawdex u Kemmuna jkun wieħed eċċelenti u l-pażjenti jintlaħqu fl-inqas ħin possibbli.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal s-servizz ta’ salvataġġ fi żminijiet fejn il-bajjjiet Għawdxin ikunu l-aktar frekwentati huwa importanti ħafna. Huwa faħħar is-servizz eċċelenti li jagħtu l-ERRC. Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Emergency Response and Rescue Corps li nvestew f’ambulanza fil-baħar ġdida mibnija apposta biex tintuża għal inċidenti madwar il-kosta ta’ Kemmuna u Għawdex, kif ukoll rescue jet ski biex jintuża sabiex ikunu assistiti mingħajr telf ta’ żmien individwi li jsibu ruħhom f’diffikultà.

Paul Parnis Parnis li huwa water rescue supervisor fl-ERRC qal li l-għan ewlieni tal-ERRC huwa li tipprevjeni u ttaffi sitwazzjonijiet fejn in-nies ikunu fil-periklu. Il-President tal-ERRC Joe Vella Gauci qal li l-livell għoli ta’ servizz li għandha l-ERRC kisbilha l-għarfien internazzjonali u hija membru assoċjat tal-International Life Saving Federation.