Għajnuna f’miljuni ta’ dollari, ikel u maskri

Rihanna, Amal u George Clooney, Sandra Bullock

F’dawn iż-żminijiet meta l-marda tal-coronavirus laqtet lil kull parti tad-dinja jidher ċar li dawk li l-aktar li qed jissugraw ħajjithom biex jikkuraw lill-morda huma l-infermiera fl-isptarijiet. Bosta wrew l-apprezzament tagħhom b’ċapċip u b’wirjiet oħrajn li juru l-grazzi tagħhom.

Hawn taħt qed nagħtukom xi ismijiet ta’ personalitajiet magħrufa li offrew donazzjonijiet għal fondi ta’ dawk li qed jiġġieldu l-coronavirus kemm b’mezzi finanzjarji u mezzi oħra.

Ir-rapper Ja Rule ta 1,000 maskra lill-isptar Lincoln fil-Bronx. L-attriċi Reese Witherspoon tat somma kbira ta’ flus lill-organizzazzjoni li tieħu ħsieb l-interessi tal-għalliema.

L-attriċi Jessica Chastain ħadet kunsinna kbira tal-Beyond Burgers lill-isptar Lenox Hill ta’ New York waqt li attriċi oħra, Sandra Bullock, tat 6,000 maskra lil sptarijiet f’Los Angeles.

Il-kantanta Rihanna irregalat $5 miljun kontra l-coronavirus permezz tal-Fondazzjoni Clara Lionel. Mhux hekk biss, iżda flimkien ma’ Jay-Z għamlet donazzjoni oħra ta’ $1 miljun.

Il-koppja Clooney, Amal u żewġha George, irregalaw $250,000 kull wieħed lid-dar tal-karità The Motion Picture and Television. Barra minn hekk taw $300,000 lil tliet karitajiet  internazzjonali: lil-Lebanese Food Bank, lil-Lombardo Italy Region u lill-NHS tal-Ingilterra.

L-attriċi Angelina Jolie qassmet miljun dollaru f’karitajiet li qed jgħinu tfal bil-ġuħ.

Donatella Versace u bintha Allegra Versace Beck għaddew €200,000 lill-isptar San Raffaele ta’ Milan biex ikompli jiġġieled lill-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn