Għajnuna finanzjarja biex il-partiti tal-futbol f’Għawdex jixxandru permezz tal-live streaming

Ritratt: MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ppresieda fuq ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Football Association sabiex b’għajnuna ta’ aktar minn €125,000 il-Ministeru jgħin finanzjarjament lill-GFA biex għall-ewwel darba tipprovdi servizzi ta’ live streaming tal-partiti tal-futbol f’Għawdex. Dan wara li minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-istaġun 2020-21 għandu diversi sfidi u l-partiti kellhom u għadhom qegħdin jintlagħbu wara l-bibien magħluqa.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-live streaming se jkun disponibbli għall-fans tal-futbol Għawdxi kollha madwar id-dinja biex isegwu l-partiti f’ħin reali, ladarba minħabba l-pandemija ma jistgħux ikunu l-ground ta’ Għawdex. Se jkun hemm ukoll kompetizzjoni li tittestja l-għarfien tal-partitarji biex ibassru r-riżultati tal-avvenimenti fil-logħbiet kollha tal-futbol Għawdxi, u jinvolvu lis-segwaċi matul il-ġimgħa biex jgħinu fil-bini tat-trademark tal-futbol Għawdxi, biċ-ċans li jirbħu premjijiet. Il-Ministru Camilleri spjega li “dan kollu se jgħin biex jippromwovi l-futbol Għawdxi kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment u fl-istess ħin iservi bħala soluzzjoni siewja għall-isfidi attwali li qed niffaċċjaw minħabba l-pandemija COVID-19.”

Dr Samuel Azzopardi, il-President tal-Gozo Football Association, qal li l-GFA hija impenjata li tiżviluppa l-komunità tal-futbol f’Għawdex, magħmula minn 14-il klabb tar-raħal, biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-futbol fil-gżira Għawdxija. Dawn il-klabbs sena wara sena jissieltu biex jipprovdu opportunitajiet tal-futbol għaż-żgħażagħ tagħhom u jorganizzaw timijiet tal-kbar biex jipparteċipaw fl-1 u t-2 diviżjoni Għawdxija. Stqarr li hija l-missjoni tal-Assoċjazzjoni li tappoġġja lill-klabbs u tgħinhom jippromwovu t-timijiet tagħhom u l-isforzi tagħhom billi jipprovdu għodda impenjattivi u divertenti għall-partitarji kollha tal-klabb Għawdxi.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li jiżdied l-interess tal-partitarji u fl-istess ħin jikber l-ammont ta’ partitarji Għawdxin billi nagħmlu l-logħba tal-futbol f’Għawdex aktar impenjattiva u aċċessibbli.

Ritratti: MGOZ

Dan it-tagħrif twassal mill-Ministeru Għal Għawdex.