​Għajnuna biex tiġġieled għad-drittijiet tiegħek jekk se ssiefer

Bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) irċeviet 163 talba għall-kumpens relatati ma’ titjiriet.
Bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fost il-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom, ittellgħet Info Desk fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Din għandha tgħin lil dawk il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq titjira minħabba overbooking, kanċellament jew dewmien twil fit-titjiriet. Hemm ukoll drittijiet għal passiġġieri b’diżabilità kemm meta jkunu qed jibbukkjaw titjira kif ukoll waqt il-ħin tal-imbark.
Mill-163 talba għal kumpens fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, 34 minnhom kienu riferuti lil entitajiet oħra minħabba li t-titjira kienet telqet minn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin saru 68 talba għall-kumpens bħala riżultat ta’ kanċellament tat-titjira waqt li 61 talba kienu jikkonċernaw dewmien fit-titjira.
Jeżistu madwar 30 ċentru bħal dawn fl-Ewropa fejn ir-rwol tagħhom hu li jipprovdu informazzjoni u għajnuna lill-konsumaturi li jkunu għamlu xi forma ta’ xiri minn stat membru ieħor.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill