Ritratti: Għajjat, nar u storbju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi

Read in English.

Għadd ta’ Pulizija ntalbu jassistu f’inċident li seħħ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi hekk kif immigranti f’dan iċ-ċentru nstemgħu jgħajjtu fi protesta li żviluppat dalgħodu.

Jidher li għall-ħabta tal-10.30, l-immigranti qabbdu xi nar u ngħaqdu fi protesta deskritta bħala “rewwixta” mill-Pulizija. Fost l-għajjat għall-ħelsien dehru wkoll strixxuni bil-kelma “Freedom” u xi immigranti xxabbtu mal-ħitan li jdawwru dan iċ-ċentru ta’ detenzjoni.

Fuq il-post kien hemm ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza, b’kelliema għall-Pulizija tikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li ħadd ma weġġa’.

Din hija t-tieni protesta li qed issir fl-istess ċentru fi żmien ġimgħa.

AQRA: Aktar minn 100 immigrant jipprotestaw f’Ħal Safi

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.