Għajb għal Malta jekk tagħlaq il-bieb lill-immigranti– l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li jkun għajb għal Malta jekk tagħlaq il-bieb u twebbes qalbha mal-barrani li jħabbat il-bieb ta’ darha.

Waqt l-omelija fil-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Benedittu, wieħed mill-patruni tal-Ewropa, l-Arċisqof tkellem dwar it-tradizzjoni Benedittina ta’ ospitalità lil kull min jeħtieġha u mbagħad applikaha għall-attitudni fl-Ewropa u f’Malta lejn l-immigranti.

L-Arċisqof qal li l-kultura ta’ ospitalità li introduċa San Benedittu kienet tfisser li  “dawk kollha, li anke bla mistenni, iħabbtu l-bieb tal-monasteru, jingħataw laqgħa bħal tal-ħbieb bħallikieku Kristu stess”.

F’applikazzjoni diretta għall-attitudni lejn l-immigranti l-Arċisqof Scicluna qal li meta jħabbatlek barrani “ma tagħlaqlux il-portijiet, l-ajruport jew iż-żona tal-ajru”.

“Qed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbi u fuq il-bieb tax-xtut tagħna, Ġesù Kristu.”

Irrimarka li jekk nagħlqu l-bieb, ir-responsabbiltà tkun kbira ħafna u ma nistgħux niskappaw minnha għax hemm inġustizzji li jekk aħna nsiru kompliċi tagħhom, jagħjtu ġustizzja lil Alla.

Saħaq li f’ċertu sitwazzjonijiet konkreti, Malta tirrealizza li l-affarijiet ma tistax issolvihom waħedha u li għandha bżonn is-solidarjetà tal-Ewropa kollha, bil-piż jinqasam bejn kulħadd.

L-Arċisqof kompla jgħid illi jkun għajb għalina kemm jekk aħna nagħlqu l-bieb u nwebbsu qalbna kif ukoll jekk nagħjru, nikkritikaw u nikkundannaw lil min ifakkarna x’jiġifieri verament tkun Nisrani.

Huwa talab lill-awtoritajiet Maltin biex jifhmu li meta jilqgħu lil min qiegħed fil-periklu tal-mewt u mhux jikkundannawh għall-mewt jew għall-iskjavitù, ikollhom il-barka. Żied jgħid li min jagħlaq qalbu għal min għandu bżonn ikun iġib is-saħta b’idejh.

L-Arċisqof Scicluna qal li jifhem li jista’ jkun hemm ċertu biża’ iżda din għandha tintrebaħ biex il-Maltin ma jkunux ta’ eżempju ta’ bieb jingħalaq, ta’ min jagħlaq għajnejh biex ma jarax il-bżonn ta’ ħuh imneżża’ minn kull dinjità.