​”Għadu qatt ma ra lil bintu ta’ 8 snin” – Mons. Calleja

Il-Kap tal-Kummissjoni Emigranti Mons. Philip Calleja qal li Khadir, raġel mill-Etjopja li ġie mogħti protezzjoni sussidjarja f’Malta għadu qatt ma ra lit-tifla tiegħu li llum għandha tmien snin.
Ma’ Newsbook.com.mt Mons. Calleja qal li dawk il-persuni li jingħataw status ta’ refuġjati jkunu jistgħu jġibu l-mara u t-tfal tagħhom lejn Malta. Però, dan ma jgħoddx għal dawk li jkollhom status sussidjarju. “Il-firda tal-familja huwa l-ġenn tar-refuġjati” sostna Mons. Calleja.
Khadir kien jappoġġja partit partikolari, l-OLF. Minħabba f’hekk kien saħansitra spiċċa ġo ħabs imma rnexxielu jaħrab. Wara li ħarab sar jaf li martu kellha tarbija. Hu wasal Malta fl-2013.
Mons. Calleja tkellem dwar każ ieħor ta’ mara li ħarbet mill-Eritrea u li żżewġet lil Eritrean ieħor. Ftit wara, ħarġet tqila. Il-koppja ma kellhiex flus biex jaħarbu flimkien u allura l-mara, Eden, iddeċiedet li tmur pajjiż ieħor u issib kenn hemm. Ir-raġel imbagħad kien se jingħaqad magħha wara.
Eden marret abbord skuna fil-Libja u meta qorbot lejn Malta ttelgħet fuq l-art mill-Forzi Armati peress li kienet se twelled. Hija mbagħad welldet fl-Isptar Mater Dei.
Skont Mons. Calleja minkejja li nstab benefattur biex iħallas il-passaġġ tar-raġel tagħha lejn Malta, il-permess biex dan isir ma ħariġx.
Skont il-qassis, jekk l-istatus ta’ refuġjat tiegħu jiġi aċċettat dan mhux se jtellef lil Malta “għax kulħadd jaf fejn se jkun qed jaħdem”. Appella biex il-każijiet tar-refuġjati jiġu studjati sew. Qal li hemm madwar 40 każ ta’ persuni bi status sussidjarju f’Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Mons. Calleja qal li l-Knisja tipprova tagħti kull għajnuna possibbli.
Spjega kif meta bdew jiġu r-refuġjati f’Malta ma kienx hemm post biex dawn jindifnu. Qal li jiftakar li kien hemm raġel Tork li kien miet. Spjega li wara ħafna impenn irnexxielu jakkwista permess biex id-difna ssir fiċ-Ċimiterju tat-Torok. Wara, l-Arċisqof Gonzi kien iddeċieda li dawn il-Musulmani għandhom jindifnu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.