“Għadu mhux opportun li tintgħażel id-data tal-Konklavi” – Federico Lombardi

Il-Kongregazzjoni Ġenerali tal-kardinali li qed issir fil-Vatikan illum daħlet fir-raba’ jum tagħha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tas-Santa Sede Patri Feredrico Lombardi, qal li bħalissa jidher li mhux opportun li tintgħażel id-data tal-Konklavi. Qal li sa għada filgħodu, suppost il-kardinali eletturi kollha se jkunu waslu Ruma. Kompla jgħid li minkejja dawn il-laqgħat qed jieħdu ħafna ħin u żmien, ma jfissirx li l-Konklavi se jdumu biss ftit jiem, dan għaliex m’hemm ebda relazzjoni bejn iż-żewġ kwistjonijiet.

Patri Lombardi saħaq li l-laqgħat bejn il-kardinali qed iservu bħala riflessjoni.

Intqal li hekk kif il-kardinali kollha jkunu miġbura, imbagħad tkun tista’ tibda d-diskussjoni dwar id-data għall-elezzjoni tal-Papa.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan aċċerta lill-ġurnalisti li f’każ li l-kardinali jiftiehmu fuq data, din se titħabbar immedjatament lill-mezzi tax-xandir.

Intant, Giovanni Maria Vian, l-editur tal-ġurnal L’Osservatore Romano, il-ġurnal li joħroġ mill-Vatikan, qal li jinsab ċert li sal-ġimgħa d-dieħla l-Knisja jkollha s-suċċessur ta’ Benedittu XVI.