‘Għadu ma fehemx li jrid jaħdem bis-serjetà biex jegħleb il-vizzju tad-droga’

Żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar weħel multa ta’ €800 wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-drogi kannabis u kokaina. Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat Josette Demicoli rrimmarkat li mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation irriżulta li ż-żagħżugħ “għadu mhux jifhem li jeħtieġlu jaħdem bis-serjetà biex jegħleb il-vizzju tad-droga”.

Marlon Baldacchino kien ġie akkużat b’pussess ta’ droga u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ġew imposti fuqu minn Qrati tal-Maġistrati. F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli huwa ma nstabx ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti semgħet kif nhar l-4 ta’ Novembru 2018, l-Ispettur tal-Pulizija Lydon Zammit flimkien ma’ uffiċjal ieħor kienu qed jistennew lil ċertu Luke Vella biex jiffirma fl-għassa. Meta Vella wasal l-għassa, għall-ħabta tas-7pm, l-Ispettur mar ħdejn il-vettura u sab lil Baldacchino fuq in-naħa tal-passiġġier u li kien qed irembel xi tabakk.

L-Ispettur Zammit infurmah li kien Pulizija u talab lil Baldacchino joħroġ mill-karozza u jiddentifika ruħu. L-akkużat kien qal lill-Pulizija li dak li kien qed irembel kien tiegħu, mingħajr ma ġie mistoqsi. Il-Pulizija staqsa lill-akkużat jekk kellux iktar affarijiet tiegħu fil-karozza u dan infurmah li kellu pouch fejn instabu żewġ pilloli, żewġ mowbajls, €40, mus u xi affarijiet oħra.

L-espert maħtur mill-Qorti sab li sustanzi li kellu fuqu ż-żagħżugħ kienu 0.17g ta’ kokaina li kienet madwar 15% pura f’żewġ pakketti. Fis-sigarett taż-żagħżugħ instabet il-kannabis.

Il-Qorti sostniet li ma kien hemm l-ebda dubju li d-droga kienet tal-akkużat.

Il-Qorti qalet dwar l-akkuża tal-ksur tal-kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest, il-prova tal-identità ma saritx u għalhekk il-Qorti ma setgħetx issib lill-akkużat ħati ta’ din l-akkuża.

Il-Qorti qalet li minkejja l-età żgħira taż-żagħużgħ, huwa diġà nstab ħati ta’ tliet reati. Qalet ukoll li mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation li beda jsegwi ż-żagħżugħ matul dawn il-proċeduri rriżulta li dan għadu ma fehemx li jrid jaħdem biex jegħleb il-vizzju u biex ikollu xogħol regolarizzat.

Wara li l-Qorti kkunsidrat n-natura tar-reat u ċ-ċirkustanzi tal-każ, iż-żagħżugħ weħel multa ta’ €800. Il-Qorti ordnat li d-droga tinqered.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Zerafa u Paul Camilleri.