Għadu kmieni wisq biex inkunu nafu l-impatt tal-vaċċini – Dr Manuele Biazzo

Read in English.

“S’issa kmieni wisq biex inkunu nafu l-impatt tal-vaċċini u t-trattamenti tal-antibodies monoklonali, peress li ser jibdew jamministraw il-vaċċini minn Jannar,” sostna Dr Manuele Biazzo, Direttur Xjentifiku tal-laboratorji The Bio Arte, li jinsabu fil-Life Sciences Park, San Ġwann.

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta filgħodu ngħad li The Bio Arte bi ħsiebhom ikomplu jissekwenzjaw kampjuni tal-virus biex isegwu l-iżvilupp tiegħu, minkejja li bi spiża kbira għal-laboratorju, u għalhekk jisperaw li jkun hemm koperazzjoni mill-awtoritajiet.

Dr Manuele Biazzo sostna li xjentisti fl-Ingilterra iżolaw varjant ġdid tal-virus tal-COVID-19 u tellgħu l-informazzjoni fuq id-database mondjali biex xjentisti oħrajn ikunu jistgħu jistudjawh. S’issa mhux magħruf l-impatt ta’ dan il-varjant iżda hu mifhum li jista’ jkun sa 70% iktar infettiv. Dan ifisser li, minkejja l-miżuri tal-Gvern Ingliż biex iwaqqfu l-imxija tal-virus fl-Ingilterra, in-numri ser jibqgħu l-istess.

Dr Biazzo spjega li “dan hu varjant li fih kien hemm numru ta’ bidliet (mutations) fil-ġenoma u ftit minnhom għandhom x’jaqsmu wkoll mal-ispike proteina, li hu risponsabbli li jorbot mar-riċettur taċ-ċellula tal-ospiti u jirnexxilu jgħaqqad il-membrani virali u ċellulari flimkien. Ġew identifikati wkoll numru ta’ nisel tal-coronavirus, iżda dawn ma ġewx assoċjati ma’ bidla fil-virulenza.”

Skont Dr Manuele Biazzo varjanti oħra sparixxew fil-passat. “M’hemmx evidenza xjentifika bħal issa li l-vaċċin mhux effettiv. U lanqas nistgħu ngħidu li vaċċin wieħed jista’ jaħdem aħjar minn ieħor.

Il-bieraħ f’intervista ma’ Newsbook.com.mt, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Dr Martin Balzan, qal li r-riskji li jġib miegħu l-coronavirus huma agħar mir-riskji li għandu l-vaċċin kontra l-coronavirus, u għalhekk hu rakkomandat li kulħadd jieħu l-vaċċin.

Dr Balzan spjega li l-vaċċin inħoloq mill-aċidu tal-coronavirus oriġinali stess, u għalhekk, l-esperti qed jaħsbu li l-vaċċin jirnexxilu jiġġieled il-varjant ukoll.

Ta’ l-istess opinjoni hu il-virologu Dr Chris Barbara li ma’ dan is-sit elettroniku qal li l-vaċċin xorta hu vijabbli u li importanti li jittieħed għalkemm qal li l-varjant il-ġdid jidher li hu aktar b’saħħtu u jinfirex ħafna aktar malajr.