“Għadu kmieni biex nieħdu deċiżjoni dwar il-Eurovision”

Issa li ġew imħabbra l-41 pajjiż parteċipanti, l-artisti li se jirrappreżentawhom u l-kanzunetti li se jinterpretaw, jidher li hemm ħafna tħassib dwar x’se jiġri għall-edizzjoni li jmiss ta’ dan il-konkors, li din is-sena jimmarka l-65 edizzjoni tiegħu.

Fi stqarrija fuq il-paġna uffiċjali tal-ferstival. F’sezzjoni dedikata “coronavirus” l-istqarrija tgħid hekk:

“L-EBU qed tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni dwar it-tixrid tal-coronavirus u qed iżżomm ruħha aġġornata bl-aħħar pariri u linji gwida mill-WHO u mill-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali.

Aħna qed naħdmu mill-qrib max-xandara Olandiżi NPO, NOS u AVROTROS u l-Belt ta’ Rotterdam biex nesploraw xenarji potenzjali differenti għall-Eurovision Song Contest 2020.

Madankollu, hekk kif jonqos xahrejn sat-3 wirjiet live fit-12, l-14 u s-16 ta’ Mejju, u sitwazzjoni li tinbidel malajr kemm fl-Olanda kif ukoll fil-pajjiżi parteċipanti, għadu kmieni wisq biex tittieħed kwalunkwe deċiżjoni finali.

B’dan f’moħħna, aħna nkomplu naħdmu flimkien bħala tim fuq preparamenti biex nospitaw il-65 Festival tal-Eurovision”, ittemm l-istqarrija uffiċjali.

Għal din l-edizzjoni Malta se tkun qed tieħu sehem bil-kanzunetta All Of My Love interpretata minn Destiny Chukunyere, ir-rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta.