“Għadni niftakar kienu jsejħuli l-iswed”

“Meta kont żgħir, fid-Disgħinijiet, kont wieħed mill-ewwel tfal b’ġilda skura fl-inħawi fejn konna noqogħdu f’Ruma. Għadni niftakar li kienu jsejħuli ‘L-Iswed”.

Dan qalu Amin Nour, attur u direttur tal-film qasir Taljan li jġib l-isem ta’ Indovina chi ti porto per cena – Aqta’ lil min ġibt għall-ikel – film li jitratta l-isterjotipi u l-aspettattivi ta’ tfal bħalu li trabbew jew twieldu fl-Italja.

“Irfist fl-Italja ta’ 4 snin”

F’intervista dwar il-film tiegħu, Nour spjega li hu wasal l-Italja mis-Somalja, meta kellu erba’ snin.  Jistqarr li llum il-ġurnata jħoss li hu barrani doppjament – għax jekk imur is-Somalja ħa jħarsu lejh bħala barrani u fl-Italja jitqies barrani minħabba l-kulur tal-ġilda.

Irrakkonta kif darba minnhom kien fuq ferrovija u raġel minn Ruma qallu biex imur lura lejn pajjiżu. Nour, dlonk wieġbu bit-Taljan u staqsieh x’inhu jgħid, bir-raġel jispiċċa jiskuża ruħu miegħu u jirrimarkalu dwar kemm jaf jitkellem bit-Taljan.

Nour iddeskriva l-identità tiegħu bħala xmara, u waħda li dejjem tikber.

10% tat-tfal fl-Italja twieldu lil ġenituri immigranti

L-aħħar statistika fl-Italja turi li madwar 10% ta’ dawk taħt it-18-il sena fl-Italja twieldu lil ġenituri immigranti. Uħud waslu l-Italja bħala tfal, iżda l-maġġoranza tagħhom twieldu fuq l-art Taljana.

Ir-rata ta’ tfal immigranti li jkomplu l-edukazzjoni sekondarja tiddependi fuq meta bdew jgħixu l-Italja.  Madwar 30.4% minnhom twieldu l-Italja. Dawk li waslu l-Italja ta’ inqas minn sitt snin jammontaw għal 23.5% u 19.9%  dawk li waslu wara li għalqu l-11-il sena.

Madwar kwart tat-tfal fl-Italja b’ġenituri immigranti jitkellmu lingwa oħra d-dar. Kważi 24% jitkellmu Taljan biss. 75% tat-tfal li twieldu l-Italja jgħidu li jaħsbu bit-Taljan.