“Għadni nħossni mhedded mill-kummenti ta’ Gafà” – ġurnalist Taljan

Read in English.

Il-ġurnalist Taljan Sebastiano Scavo qal fil-Qorti li għadu jħossu mhedded mill-kummenti li għadda l-eks uffiċjal tal-Uffiċju tal-Prim Ministru Neville Gafà fil-konfront tiegħu. Dan qalu llum fix-xhieda tiegħu fil-Qorti hekk kif Gafà tressaq il-Qorti wara li l-pulizija ġabret biżżejjed evidenza dwar theddida li għamel Gafà fil-konfront ta’ Scavo.

Fil-Qorti, l-uffiċjal tal-pulizija Lydon Zammit qal li fil-5 ta’ Awwissu rċevew ilment mill-ġurnalist Taljan Sebastiano Scavo dwar kumment li għamel Gafà fuq Twitter wara post mill-NGO umanitarja Alarm Phone. Qal li f’Ġunju, Gafà uża l-profil tiegħu fuq Twitter biex jgħid lil Scavo “waqqaf in-negozju maħmuġ tiegħek. Jekk le, se nwaqqfuk aħna.”

Il-ġurnalist Taljan kien qed isegwi l-istejjer dwar il-pushbacks tal-immigranti f’kampijiet ta’ konċentrament fil-Libja, persuni li kienu qed jippruvaw jaħarbu minn pajjiżi madwar il-kontinent Afrikan kollu. Fl-investigazzjonijiet tiegħu li kienu ppubblikati fuq il-ġurnal L’Avvenire u li nħadmu f’kollaborazzjoni man-New York Times u The Guardian, Scavo żvela sistema li tikkastiga l-bnedmin bi skuża tal-liġi.

Flimkien mal-Ispettur Fabian Fleri huma kkuntattjaw lil Gafà li aċċetta li jikkollabora mal-Pulzija meta kien interrogat fid-depot. Gafà ammetta li kien hu li tella’ dak il-kumment fuq Twitter waqt li kien fir-residenza tiegħu fil-Mellieħa.

Fix-xhieda ħareġ kif mal-pulizija, Gafà insista li ma kellu l-ebda intenzjoni li jhedded jew iweġġa’ lil Scavo iżda kien sempiċiment qed jagħmel kumment politiku biex joħloq pressjoni fuq il-problema tal-immigrazzjoni. Intant, permezz tal-avukat tiegħu, Gafà wieġeb mhux ħati tal-akkużi ta’ theddid.

Il-unit tas-cyber-crime tal-Pulizija kienet infurmat ukoll lil Twitter dwar il-kumment, madanakollu sal-lum għadha ma rċeviet l-ebda risposta u t-tweets għadhom viżibbli fuq il-pjattaforma. Il-unit għamel it-talba tiegħu fit-12 ta’ Lulju.

Il-prosekuzzjoni ppeżentat dokumenti li juru l-post pubbliku ta’ Gafà. Id-difiża nnutat li wara l-post ta’ Gafà kien hemm diversi individwi li pparteċipaw u approvaw il-kummenti ta’ Gafà.

Il-ġurnalist, assistit mill-avukat Chris Busietta, ta x-xhieda tiegħu. Il-prosekuzzjoni talbitu jispjega l-kummenti tiegħu fuq Twitter ma’ Gafà u x’kienet tgħid it-tweet ta’ Alarm Phone li l-akkużat kien ikkummenta fuqha.

Fil-Qorti, Scavo wal li hu kien ħassu mhedded u għadu qed iħossu mhedded mill-akkużat anke wara li pprova jikkjarifika s-sitwazzjoni ma’ Gafà. Ftakar kif fuq Twitter, hu kien talab lil Gafà jispjega x’ried ifisser bil-kliem “we will stop you” (inwaqqfuk aħna) u għal min kien qed jirreferi bil-kelma “we” (aħna). Qal li Gafà qatt ma wieġeb għal din il-mistoqsija.

Scavo kompla jgħid li mill-2019 hu kien taħt il-protezzjoni tal-Pulizija Taljana u li din is-sena, din il-protezzjoni kienet ikkonfermata mill-ġdid wara l-kummenti ta’ Gafà. Fil-Qorti hu ppreżenta dokumenti li juru li jinsab taħt il-protezzjoni tal-pulizija.

L-avukati tad-difiża staqsew jekk kienx is-cyber-crim unit li stieden lill-ġurnalist biex jissottometti l-ilment. L-avukat Edward Gatt innota li skont id-dokumenti ppreżentati fil-Qorti, il-pulizija kkuntattjat lill-ġurnalist wara li terza persuna għamlet rapport lill-pulizija. Staqsa jekk din hix proċedura li normalment tkun segwita f’każi simili.

Waqt is-smigħ, l-Ispettur Timothy Zammit mis-cyber-crime unit intalab jispjega l-proċeduri li normalment ikunu segwiti. L-Ispettur Zammit ikkonferma li l-Pulizija kienet ġiet infurmat bil-każ permezz ta’ rapport fuq il-midja lokali qabel ma Scavo għamel ir-rapport tiegħu.

Id-difiża talbet il-Qorti biex il-każ ikun diferit għax hemm bżonn li jduru d-dokumenti ppreżentati mill-prosekuzzjoni. Il-Maġistrat laqgħet it-talba tal-avukati ta’ Gafà u l-każ ġie diferit għall-15 ta’ Ottubru fid-9am.

Il-Maġistrat Charmaine Galea qed tippresedi l-każ. Neville Gafà qed ikun assistit mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.