“Għadni narak ħdejja kullimkien” – ir-raġel ta’ Miriam Pace

Ir-raġel ta’ Miriam Pace, Carmel, sostna li lil martu għadu jaraha maġenbu kullimkien. Qal li minkejja li għaddew tliet ġimgħat mill-mewt tagħha, isib lilu nniffsu jsejħilha u jistenna r-risposta tagħha lura, li ma tiġix.

Miriam Pace, tilfet ħajjitha fl-età ta’ 54 sena, wara li d-dar tagħha ġġarfet waqt li hi kienet fiha fil-Ħamrun. L-inċident li seħħ biswit sit ta’ kostruzzjoni wassal sabiex mill-ġdid terġa’ tissaħħaħ il-ġlieda kontra r-rebgħa tal-kostruzzjoni fil-pajjiż.

Carmel sostna li meta jkun fil-karozza, ikellem lil martu dwar it-tfal u s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż. Qal li l-unika sollijiev huwa li huwa konvint li hi qed tħarishom mill-ġenna. Spjega kif fl-ewwel ġimgħa li tilef lill-martu, ħabib tiegħu qallu “jien mhux qed nitlob għaliha, jien qed nitlob lilha”, messaġġ li wasslu sabiex jibda jagħmel l-istess.

Hu temm billi mill-ġdid qalilha li jħobbha.

X’ġara nhar it-2 ta’ Marzu?

It-Tnejn, 2 ta’ Marzu 2020, għall-ħabta tas-2.15pm, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jassistu lill-qraba tal-vittma u persuni oħra.