“Għadna ma nafux meta se jsir id-dibattittu fuq il-prezzijiet tal-fuel”

L-Oppożizzjoni għal darb’oħra qed tinsisti li l-Gvern għandu jraħħas minnufih u b’mod sostanzjali l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li “l-prezz għandu jorħos b’mod immedjat u b’mod sostanzjali u mhux b’ċenteżmu jew tnejn.”
Fakkar kif il-ġimgħa li għaddiet, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament li fiha talbet għal dibattitu dwar il-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel.
Simon Busuttil sostna li sa issa ma saret l-ebda komunikazzjoni mill-Gvern dwar meta se jsir dan id-dibattitu, u li jekk il-Gvern jinsisti li d-dibattitu ma jsirx sa nhar l-Erbgħa, l-Oppożizzjoni se tuża l-poteri Parlamentari tagħha biex id-dibattitu jsir il-Ħamis.