Tibagħtux lit-tfal SkolaSajf jekk ma jaslux il-protokolli – UPE

Read in English.

L-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) sostniet li filwaqt li għandha r-riservi tagħha dwar kemm hi idea tajba li tinfetaħ SkolaSajf, hi ma kienet infurmata bl-ebda miżuri jew linjigwida ta’ kif l-iskejjel u l-għalliema jistgħu jaħdmu. B’hekk appellat li t-tfal m’għandhomx jitbagħtu Skolasajf jekk dawn jibqgħu ma jaslux.

Din l-istqarrija ġiet wara li l-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fis-sett ta’ miżuri li jmiss se jkunu qed jiftħu ċ-childcare centres u tiftaħ ukoll SkolaSajf.

L-unjin sostniet li filwaqt li kienet qed issegwi l-proċessi tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Ministeru għall-Edukazzjoni b’reqqa, din l-aħbar tal-Prim Ministru ħasdithom. Fl-istqarrija, il-President tal-unjin Graham Sansone qal li l-unjin baqgħet skantata bin-nuqqas ta’ informazzjoni u komunikazzjoni mill-Ministeru dwar din il-kwistjoni. Qal li l-Ministeru m’għamilx kuntatt mal-unjin biex jinfurmaha bil-protokolli biex l-iskejjel ikunu protetti mill-coronavirus u lanqas ma kien hemm konsultazzjoni.

L-unjin sostniet li n-natura ta’ SkolaSajf m’għandhiex ir-regoli fis-seħħ neċessarji dwar id-distanza soċjali. Minkejja dan, ma ħarġux kjarifika ta’ kif l-iskejjel jistgħu jgħelbu dan l-ostaklu. Intant qalet li dawk li qed jintalbu jaħdmu f’dawn l-istrutturi ma kinux infurmati b’aspettativi ġodda, regoli jew miżuri. Qalet li għad ma ħareġ xejn dwar il-proviżjonijiet u l-użu ta’ lbies protettiv, dwar kemm jistgħu jkunu kbar il-klassijiet u l-miżuri li jridu jkunu ttieħdu sabiex jidħlu fis-seħħ immedjatament mal-ewwel jum tal-iskola.

L-unjin għamlet diversi mistoqsijiet, fosthom:

  • L-edukaturi tagħna kif inhuma mistennija jaħdmu?
  • L-irwol kif se jinbidel minn dak li oriġinarjament kien hemm fid-deskrizzjoni tal-impjieg?
  • Meta jiġu għall-ikel u t-tindif x’se jkun il-proċess?
  • L-LSEs kif se jkunu jistgħu jżommu d-distanza skont ir-rakkomandazzjonijiet fuq id-distanza soċjali?

L-unjin qalet li qed tistenna li l-Ministeru jibda l-komunikazzjoni b’mod immedjat u jinforma l-unjin bil-protokolli kollha li jridu jkunu daħlu fis-seħħ mal-ftuħ ta’ SkolaSajf. Qalet li jekk il-Gvern ma jipprovdix dawn il-protokolli, jew jekk il-protokolli pprovduti ma jkunux sodisfaċenti se tkun qed tagħti struzzjonijiet biex il-membri tagħha ma jattendux għal SkolaSajf u jirreżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom.

Sansone qal li l-unjin mhix se toqgħod għal tattiċi tal-Ministeru li qed jitratta lill-edukaturi u l-istudenti bħal guinea pigs f’riskju li r-rata ta’ infezzjonijiet tiżdied.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn