Għadhom jistennew tweġiba mill-Ministru Scicluna dwar l-FIAU

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili reġgħet talbet lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna biex iwieġeb dwar jekk kellux xi involviment fid-deċiżjoni li jitkeċċew uffiċjali mill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).
Il-mistoqsijiet saru lill-Ministru lejn l-aħħar ta’ Novembru li għadda u l-istess mistoqsijiet saru mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fost oħrajn.
Fi stqarrija, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qalet li tinsab “tassew imħassba” bl-attitudni tal-Ministru għal dawn il-mistoqsijiet u fakkru li l-kariga tiegħu għandha l-għan esklussiv ta’ servizz lejn il-poplu u għalhekk għandu “jagħti rendikont sħiħ tal-operat tiegħu u tal-prattiċi tal-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu.”
Għalhekk mill-ġdid, is-Soċjetà Ċivili qed titlob lill-Ministru jwieġeb dwar:

  • jekk qattx ħa sehem f’konverżazzjoni ma’ kwalunkwe membru tal-Bord tal-Gvernaturi jew ma’ kwalunkwe uffiċjal jew impjegat tal-FIAU, jew ma’ kwalunkwe membru tal-Korp tal-Pulizija li fiha ssemmew l-eksuffiċjali li tkeċċew.
  • jekk qattx irċieva mingħand xi membru tal-Bord tal-Gvernaturi jew mingħand xi uffiċjal jew impjegat tal-FIAU, jew mingħand xi membru tal-Korp tal-Pulizija xi komunikazzjoni li fiha ssemmew l-eksuffiċjali li tkeċċew.
  • jekk hu qattx talab mingħand xi membru tal-Bord tal-Gvernaturi jew mingħand xi uffiċjal jew impjegat tal-FIAU, jew mingħand xi membru tal-Korp tal-Pulizija xi informazzjoni fir-rigward ta’ l-eksuffiċjali li tkeċċew.
  • fil-każ li tali konverżazzjoni jew talbiet seħħew, jgħid jekk tali konverżazzjoni seħħitx qabel li kien ġie kkomunikat lill-istess Jonathan Ferris u Charles Cronin li l-impjieg tagħhom mal-FIAU kien qiegħed jiġi tterminat, u l-isem u l-kunjom tal-persuni li magħhom tali konverżazzjoni seħħet it-talba għal informazzjoni.

“Jeħtieġ li Malta tistabbilixxi l-verità dwar ir-riżenji ta’ Michael Cassar u Manfred Galdes kif ukoll dwar it-terminazzjoni tal-impjiegi ta’ Jonathan Ferris u Charles Cronin,” saħqet in-Netwerk.