Aġġornata: Għada se toħroġ mill-isptar it-tarbija li waqgħet 3 sulari

Għada se toħroġ mill-isptar it-tifla ta’ sena u nofs li tmint’ijiem ilu waqgħet tliet sulari minn gallarija f’Pembroke.

Wara diversi jiem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fil-periklu tal-mewt, it-tifla ġiet trasferita għas-Sala Fairyland fejn kompliet tingħata l-għajnuna meħtieġa.

F’kummenti lil Newsbook.com.mt omm it-tifla qalet li bintha bħalissa “hi mimlija saħħa u għada ħierġa mill-isptar wara li għamlulha t-testijiet kollha”.

L-inċident ġara t-Tlieta 17 ta’ Settembru ftit qabel il-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar f’appartament li jinsab fi Triq Pietru D’Armenia.

Meta l-ambulanza u l-pulizija waslu quddiem il-bieb prinċipali tal-blokka tal-appartamenti sabu lit-tarbija tibki bl-uġigħ imma mingħajr sinjali ta’ demm.

L-omm għadha mistgħaġba sal-lum il-ġurnata kif minkejja dak l-għoli kollu, lit-tifla lanqas ħarġitilha qatra demm. Sostniet li anke t-tobba baqgħu skantanti li kisret biss saqajha.

Il-familja tat-tifla rringrazzjat lit-tobba u l-infermiera kollha ta’ FairyLand u l-ITU tal-għajnuna li taw liċ-ċkejkna.