Għadek ma tħallastx tat-taxxa żejda fuq il-karozza?

Dawk il-persuni li kienu xtraw vetturi fl-2006 u ħallsu taxxa żejda fuq ir-reġistrazzjoni, dis-sena se jkomplu jitħallsu lura ta’ dak li kienu ħarġu żejjed.
Il-Ministru tat-Trasport, Joe Mizzi, ħabbar li ġew allokati €4.8 miljun lil Transport Malta sabiex, fi kliem Mizzi, “issir ġustizzja” ma’ dawn in-nies.
Din hija r-raba’ sena li l-persuni eleġibbli qed jingħataw dawn il-flus lura, u b’kollox dis-sena mistennija jibbenefikaw 6,827 persuna.
Mill-2014 ’il quddiem, il-Gvern se jkun ta lura €14.5 miljun f’taxxi żejda ta’ reġistrazzjoni.
Fil-ġranet li ġejjin, Transport Malta se tkun qed tibgħat ittri lill-applikanti li huma eleġibbli. Sal-aħħar ta’ Mejju, huwa ppjanat li jkunu tħallsu l-persuni kollha li ħallsu taxxa żejda fis-sena 2006.
Mizzi temm jgħid li din mhix se tkun l-aħħar sena li fiha se jingħataw dawn il-flus lura.
Ritratt: DOI – Kevin Abela