Ċajta: Għadek ma ħallastx xi ċitazzjoni? Ċans li tiegħek maħfura!

Aġġornata
Ferħa bla temma għal uħud mill-qarrejja ta' Newsbook.com.mt li emmnu li se jjinħafru ċ-ċitazzjonijiet kollha li għadhom ma tħallsux u li ngħataw sal-aħħar ta' Frar li għadda.
Lanqas hu minnu li f'Mejju se tiġi implimentata sistema ġdida li fost l-oħrajn tinkludi li l-valur taċ-ċitazzjonijiet jirdoppja.
L-1 ta' April it-tajjeb!
Aktar kmieni
Se jinħafru ċ-ċitazzjonijiet kollha li għadhom ma tħallsux u li ngħataw sal-aħħar ta' Frar li għadda. Madanakollu f'Mejju se tiġi implimentata sistema ġdida li fost l-oħrajn tinkludi li l-valur taċ-ċitazzjonijiet jirdoppja.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li din id-deċiżjoni hi parti mill-implimentazzjoni tar-riforma tal-gwardjani lokali, li dwarha ġiet ippubblikata white paper fi Frar 2014.
Sorsi qrib is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali qalu ma' Newsbook.com.mt li l-ammont ta' ċitazzjonijiet pendenti li akkumulaw fl-aħħar 14-il sena, jammontaw għal €21 miljun.
Żiedu jgħidu li bil-maħfra taċ-ċitazzjonijiet pendenti, il-Gvern se jiffranka €1.2 miljun (jew 30% tal-ispiża) fis-sena, f'riżorsi umani relatati mal-petizzjonijiet u t-tribunal.  Hu mifhum li minflok, dawn se jiġu investiti f’xogħlijiet fit-toroq madwar Malta u Għawdex.
L-istess sorsi spjegaw kif din il-bidla se ssir minħabba li s-sistema preżenti li tfasslet mill-amministrazzjoni preċedenti la hi effiċjenti u lanqas vijabbli finanzjarjament.
Sostnew li bis-sistema l-ġdida se jkun hemm aktar kontroll u l-gwardjani se jingħataw linji gwida skont il-bżonnijiet tal-lokalitajiet rispettivi.
Għaldaqstant kull min għandu ċitazzjoni pendenti mistenni jirċievi ittra bil-posta fejn jiġi infurmat li ma fadallu xejn xi jħallas.
Jidher li għadha ma tteħditx deċiżjoni jekk iċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-Pulizija hux se jinħafru wkoll.
Skont statistika, aktar min-nofs iċ-ċitazzjonijiet li jingħataw ma
jitħallsux mill-ewwel u jiġu rreġistrati f'sistema kompjuterizzata tal-Infurzar Lokali.
Fl-2014, ma tħallsux 27,000 ċitazzjoni, filwaqt li tħallsu €8.2 miljun. Fl-aħħar tliet snin, ingħataw kważi 856,000 ċitazzjoni u nġabru €20,686,639.
Aktar dettalji mistennija jitħabbru llejla.