Għadek fiċ-ċans għall-fondi biex tirrestawra d-dgħajsa

DOI - Anthony Sultana

€100,000 huma allokati biex jiġu restawrati dgħajjes li d-data tal-kostruzzjoni tagħhom hija qabel l-2007. Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li s’issa daħlu aktar minn 90 applikazzjoni għall-iskema ta’ restawr tad-dgħajjes.

Is-Segretarju Parlamentari qal li din l-iskema hija ffukata biex toffri appoġġ finanzjarju lill-applikanti eliġibbli. Huwa żied li dawn il-bastimenti għandhom valur kulturali u storiku u għalhekk għandhom ikunu ppreservati tajjeb għax dawn għandhom impatt pożittiv fit-turiżmu lokali fiż-żoni tal-port.

Clint Camilleri sostna li dan l-investiment għandu jgħin lin-negozji lokali jibqgħu ħajjin u jżommu l-identità tradizzjonali tal-villaġġ. Din l-iskema hija eliġibbli lejn il-kategoriji professjonali tas-sajd MFA u MFB.

Biex wieħed jibbenefika minn din l-iskema il-bastiment irid ikun tal-injam, bis-sena ta’ kostruzzjoni datata qabel l-2007 u huwa wieħed minn dawn: firilla, frejgatina, kajjik jew luzzu.

Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha li huma eleġibbli biex japplikaw sal-15 ta’ Jannar 2019. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jiikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura fuq 22926800.