Is-sitt skejjel, li skont rapport tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) ppubblikat fl-2015 kellhom jitlestew sa Settembru tal-2017 għadhom mhux lesti.
Newsbook.com.mt żar u ħa r-ritratti tas-siti li fihom hu ppjanat li jsir ix-xogħol b’investiment ta’ €21.5 miljun. Kellha tinbena skola primarja ġdida f’Wied il-Għajn, oħra l-Qawra, u oħra r-Rabat Għawdex. Kellha tiġi estiża l-iskola primarja tar-Rabat f’Malta, tinbena sala fl-iskola ta’ Santa Luċija, u kumpless edukattiv ġdid fl-iskola ta’ San Miguel Primary Education Resource Centre f’Pembroke.
Newsbook.com.mt diġà kien irrapporta dwar dan is-sena l-oħra. F’Settembru li għadda, intbagħtu mistoqsijiet lill-FTS għall-aħħar informazzjoni b’rabta mal-proġetti tagħha.
L-Iskola ta’ Wied il-Għajn: Sena tard
Dan ġie kkonfermat fid-diskors tal-baġit għall-2018 mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna. Hu qal li l-iskola primarja ġdida f’Wied il-Għajn se tiġi inawgurata fl-2018. Dan ifisser madwar sena wara d-data oriġinali. Din l-iskola hi stmata li tiswa €4 miljun.
Kelliem għall-FTS qal li l-iskola se tkun lesta sal-aħħar tal-2018.
Skont is-sit Times of Malta, il-ħidma fq din l-iskola ma bdietx għal sentejn minħabba problemi interni fi ħdan l-FTS u ttardjar fil-proċess tat-tenders.
Skola fir-Rabat Għawdex

L-iskola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex ma tlestietx f’Settembru tal-2017.
Fil-Parlament il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien qal li kien qiegħed isir ix-xogħol preparatorju fuq il-proġett, fejn jiġu evalwati diversi siti. Għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, Bartolo qal li possibilment din se ssir fil-kumpless ta’ skejjel fir-Rabat stess. Qal li l-iskola mistennija tiftaħ f’Settembru tal-2019, sentejn tard mid-data oriġinali.
Fi kliem l-FTS, il-pjanti jinsabu quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar (PA). Tista’ tara kif se tkun tidher l-iskola minn hawn.
Qawra
Il-proġett għandu jiswa €8 miljun. Fis-sajf tal-2016 sar xogħol ta’ skavar fuq is-sit tal-iskola fil-Qawra.
Skont l-FTS, l-iskola tal-Qawra se tinfetah għas-sena skolastika 2019-20. Intqal li kien hemm xi dewmien fuq l-iskola peress li l-pjanti originali ġew reveduti biex jiżdiedu l-faċilitajiet u l-attrezzaturi, biex it-tagħlim isir f’ambjent aktar adattat u modern.
Skola ġdida fl-Imsida
Skont l-FTS, il-pjanti għall-bini ta’ skola primarja ġdida fl-Imsida jinsabu quddiem il-PA. Qalet li l-Awtorità skedat il-binja eżistenti, u l-proġett jinsab wieqaf sakemm jinstema’ l-appell li ressqet l-FTS.
Estenzjonijiet fl-iskola tar-Rabat Malta
Il-pjanti tal-estenzjoni tal-iskola primarja tar-Rabat (Malta) qegħdin quddiem il-PA.
Estenzjonijiet tal-iskola ta’ Santa Luċija
Skont l-FTS, il-pjanti tal-estenzjoni tas-sala fl-iskola sekondarja f’Santa Lucija qegħdin quddiem il-PA.
Estenzjonijiet f’San Miguel Primary Education Resource Centre
Skont l-FTS, il-pjanti għall-bini mill-ġdid tar-Resource Centre jinsabu quddiem il-PA.
Ritratti: Miguela Xuereb