Għaddiet ġimgħa u għadu ma jafx min tajru

Minkejja li għaddiet iktar minn ġimgħa minn meta sewwieq ta’ mutur ittajjar minn vettura li baqgħet għaddejja fi Triq Reġjonali, s’issa l-familja tar-raġel għadha ma rċeviet l-ebda dettalji dwar min seta’ tajru.
Ma’ Newsbook.com.mt, mart ir-raġel li għandu 75 sena, qalet li l-inċident seħħ l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet, għal ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu, ftit l-isfel mill-pompa tal-petrol, qabel ir-rawndebawt tal-gass.
Irrakkuntat kif żewġha kien nieżel in-niżla fis-slow lane, u minn warajh għadda vann li laqtu, bil-konsegwenza li żewġha spiċċa daħal f’ħajt u nqaleb bil-mutur.
Qalet li s-sewwieq tal-vann baqa’ għaddej u b’xorti tajba persuna li rat l-inċident iseħħ waqfet u niżlet tagħti l-għajnuna tagħha.  Skont din il-persuna l-vann kien ta’ kulur silver, iżda ma laħqitx ħaditlu n-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura.
Lir-raġel ħaduh fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira, fejn irriżulta li ġarrab ġrieħi f’idejh u l-kustilji.  Kull jumejn ir-raġel qed imur fiċ-Ċentru tas-Saħħa biex jiddewwa.
Il-mutur ġarrab ħsarat estensivi.
Għamlu wkoll rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema.
Newsbook.com.mt għadu qed jistenna t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li bagħat lill-Korp tal-Pulizija fil-jiem li għaddew. 
Kull min għandu xi dettalji dwar il-każ hu mħeġġeġ jikkuntattja lill-pulizija.