Awdjo: “Għaddi l-ġudizzju tiegħek jekk Malta hix verament tagħna lkoll” – Simon Busuttil

Fid-dawl tal-ewwel sena tal-Gvern Laburista, l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt il-programm TVAM fuq l-istazzjon nazzjonali staqsa lin-nies jaraw jekk iħossux li Malta hix verament  “tagħna lkoll”.
Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qegħda hemm biex tagħmel bilanċ u tindika fejn l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb.
Qal li din hija d-demokrazija u l-Oppożizzjoni hija l-vuċi tal-poplu li ma jkunx qed jagħtihom il-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi dwar l-iskema taċ-Ċittadinanza u qal li l-Partit Nazzjonista huwa kontra li tinbiegħ iċ-ċittadinanza għaliex fil-ġurnali barranin, il-Gvern Malti ħamrilna wiċċna.
Qal li bħala Oppożizzjoni qed jitressqu emendi biex din l-iskema tinbidel għall-aħjar.
Simon Busuttil enfasizza li minkejja li l-Oppożizzjoni għandha minoranza fil-Parlament il-Gvern kellu jbiddel l-iskema tliet darbiet.
Mistoqsi dwar il-ftehim mal-Kummissjoni, Simon Busuttil qal li l-Kummissjoni u l-Gvern tkellmu fuq il-legalita’ tal-iskema imma l-Oppożizzjoni tkellmet fuq dak li huwa ħażin għall-Maltin u l-Għawdxin.
Saħaq li issa irid jiżgura li bl-emendi l-minimu ta’ 12-il xahar residenza issir verament.
Dwar l-irtirar tal-passaporti, Simon Busuttil qal li la darba l-iskema taċ-Ċittadinanza hija maqbula mal-Kummissjoni Ewropea u hija konformi mal-liġijiet Ewropej m’hemmx lok li ċ-ċittadinanza tiġi irtirata.
Qal li jekk min jixtri ċ-ċittadinanza ma jkunx għex f’Malta mela jistaqsi kemm din iċ-ċittadinanza tista’ tinżamm.
Dwar ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, Simon Busuttil staqsa kif il-Gvern se jrahhas il-kontijiet bi proġett ta’ powerstation ġdida li lanqas biss beda.
Qal li għalhekk hemm xi ħaġa ħażina u din hija t-tanker li se jkun ankrat fil-port ta’ Marsaxlokk.
Simon Busuttil irrefera għall-espert Olandiż, b’40 sena esperjenza, li spjega kif sħaba tal-gass tista’ teqred fi fjamma 50% tal-lokalita’ ta’ Marsaxlokk.
Qal li qatt ma sar studju fuq il-moviment tal-vapuri u għalhekk mhux minnu kif qed jgħid il-Prim Ministru li t-tanker hija l-aħjar għażal.
Enfasizza li lanqas ma sar studja jekk it-tanker jistax isorġi barra l-bajja.
Dwar il-Presidenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li b’sens ta’ irġulija l-Oppożizzjoni se tivvota favur il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca għalkemm ma kienx ikkonsultat mill-Prim Ministru kien mitlub mill-Kostituzzjoni.