Għaddew is-sigħat u għadna bla risposta – Sea-Eye

Reuters

Read in English.

Iċ-chairperson tal-għaqda non-governattiva Sea-Eye Gorden Isler qal ma’ Newsbook.com.mt li minkejja aktar kmieni llum l-organizzazzjoni talbet liċ-Ċentru ta’ Koordinament tas-Salvataġġ Malti (RCC) biex jiġu evakwati t-tmien persuni li hemm abbord il-bastiment Alan Kurdi, huma għadhom ma rċevewx risporta.

Isler qal li dawn huma avvenimenti allarmanti meta wieħed jikkonsidra li dan huwa ċentru ta’ koordinament għas-salvataġġ. Huwa żied li t-tobba tal-bastiment għamlu rapporti estensivi fuq it-tmien persuni. L-għaqda mhux governattiva qalet li min-naħa tagħhom jinsabu ċerti li l-Qorti Maltija se tikkonferma li għandhom raġun.

Fuq Twitter, Isler qal li minkejja dak li Malta kellha taffaċċja matul dawn l-aħħar ġimgħat, Malta ma tistax tmur kontra l-liġi internazzjonali.

Tliet immigranti oħra ġew evakwati mill-Forzi Armati – Sorsi

Skont sorsi li għandu Newsbook.com.mt, tliet persuni oħra ġew evakwati wara li kienu fil-bżonn ta’ assistenza medika jew psikoloġika. Huma ġew evakwati mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) minn fuq il-bastiment Alan Kurdi.

Ilbieraħ l-għaqda mhux governattiva Sea-eye fuq Twitter kitbet li kellha żżomm immigrant milli jwettaq suwiċidju.Il-Ħamis, żewġ immigranti li kienu fuq l-istess bastiment ġew evakwati lejn Malta wara li kellhom bżonn assistenza medika.

Ilbieraħ is-Sea-eye fetaħ protest ġudizzjarju fil-Qorti Maltija biex ikunu jistgħu jevakwaw lill-immigranti li bħalissa jinsabu abbord il-bastiment Alan Kurdi jidħlu Malta

Ara: Sea-Eye tiftaħ protest il-Qorti biex persuni abbord l-Alan Kurdi jinżlu Malta