Għaddew ħmistax u billboards illegali f’Għawdex għadhom hemm

Minkejja l-avviż tal-MEPA biex jitneħħew numru ta’ billboards f’Għawdex, għaddew 14-il ġurnata u għadhom fejn kienu.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li fit-30 ta’ Lulju li għadda, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet avviż biex fi żmien tlett ijiem jitneħħew il-billboards u l-apparat kollu relatat mat-twaħħil tagħhom.
L-istess avviż jgħid li jekk ma jsirx kif mitlub, il-MEPA tista’ tneħħihom.
Fost dawn il-billboards hemm waħda fi Triq Fortunato Mizzi u oħra fi Pjazza J.F. Kennedy fir-Rabat. Uħud minn dawn il-billboards kienu jintużaw fi żmien l-aħħar elezzjoni ġenerali u l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.  
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, il-Kunsill Lokali tar-Rabat irċieva lmenti dwar waħda mill-billboards, iżda jidher li ma jista jagħmel xejn. Saret ukoll pressjoni ma’ xi uffiċjali tal-MEPA.
Ritratti fuq info@newsbook.com.mt