Għaddew aktar minn 4 snin minn meta nqatlet oħti – oħt Eleonor Walker

Oħt Eleonor Walker qalet issa għaddew aktar minn erba’ snin minn meta oħtha nqatlet. Eleonor Mangion Walker kienet instabet mejta fl-2016, b’kawża ta’ daqqa f’rasha ġo maħżen li jinsab fi Triq il-Kummerċ, Ħal Qormi. Sorsi qrib l-investigazzjoni kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li allegatament il-mara nqatlet b’daqqa ta’ mannara u li meta nstab il-katavru kien imgeżwer fi qlugħ ta’ windsurfer.

Andrew Mangion ta’ 40 sena, li qed ikun akkużat b’rabta ma’ dan il-każ, kien mar hu stess għand il-Pulizija u ta lilu nnifsu f’idejhom. Ma’ Newsbook.com.mt sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija kienu qalu li min qatel lil Eleonor Mangion Walker allegatament talab l-għajnuna biex iġorr xi oġġetti tqal lejn il-maħżen.

Melissa Gaul qalet fuq Facebook kif ir-raġel li allegatament qatel lil oħtha ngħata mill-ġdid il-ħelsien proviżorju mill-arrest minkejja li waqt li kien ingħata l-bail b’rabta mal-qtil, kien kiser il-kundizzjonijiet tal-bail billi wettaq serqiet aggravati fl-2018. Hu kien wieġeb mhux ħati għal dawn is-serqiet. Insistiet li tinsab iddiżgustata u ma tistax temmen kif xi ħaġa bħal din hija permissibbli mingħajr ma wieħed jikkunsidra sew offiżi preċedenti.

Protesti b’rabta mal-qtil ta’ Eleonor
L-eku tal-qtil ta’ Eleanor jidwi fit-toroq tal-Belt

Filwaqt li wissiet lill-pubbliku biex joqgħod attent għax ir-raġel huwa perikoluż, sostniet li l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-familja fallew milli jinfurmawha li r-raġel tħalla joħroġ fuq bail. Qalet li saru jafu għax ommha kellha tmur l-uffiċċju biex titkellem mal-avukat tal-familja.

Andrew Mangion Walker li kien ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fil-5 ta’ Lulju tal-2016, kien wieġeb li mhux ħati għall-qtil ta’ martu. Min-naħa tiegħu kien qal li martu nħatfet minn żewġt irġiel u qatluha quddiemu imma li hu beża’ li kien se jeħel hu u għamel jiem maħrub. Qabel ma radd ruħu b’idejh u kien qed jiġi mfittex mill-pulizija b’rabta mad-delitt.

Intant, Russu residenti l-Mosta kien tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li għen biex jinħeba l-katavru ta’ Eleanor Mangion Walker. Dan kien eventwalment ukoll ingħata l-ħelsien mill-arrest u fil-perjodu meta nħeles, spiċċa b’akkużi fil-konfront tiegħu relatati ma’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu. Fi Frar ta’ din is-sena hu baqa’ jinżamm taħt arrest wara akkużi ta’ vjolenza domestika fil-konfront tiegħu.

X’kien ħareġ fil-Qorti?

Meta xehed iz-ziju tal-akkużat, hu kien qal li fit-3 ta’ Lulju tal-2016, hekk kif kien sejjer ma’ Andrew Mangion jiġbru xi pallets, l-imputat qallu li “se jmur jiġbor lil Eleanor”.  Qal li għal mistoqsija tiegħu x’kien qiegħed jiġri, Andrew wieġbu li issa, jew kienu se jisparawlu, jew kien se joqtol lilu nnifsu billi jispara għal rasu.

Intant, is-sid tal-kumpanija fejn kien jaħdem Andrew qal li l-imputat ġieli tkellem miegħu dwar problemi li kellu fiż-żwieġ madankollu qatt ma qallu li refa’ idu fuq martu. Minkejja din ix-xhieda f’Lulju fil-Qorti l-Pulizija kienet tat xhieda dwar kliem l-imgħallem ta’ Mangion, li kien ammetta miegħu li kien lest isawwat lil martu għax sostna li din kienet tibdlu ma’ rġiel oħra. L-imgħallem ikkonferma wkoll li r-raġel kellu ċ-ċwievet tal-maħżen fejn il-mara nstabet bla ħajja.

Akkużati b’serqa qabel il-qtil ta’ Eleonor

Fl-2017, ir-raġel ta’ Eleonor flimkien mar-Russu ġew akkużati li wettqu serqa bi vjolenza fuq żewġ persuni f’boathouse fi Triq l-Aċċjol, fil-bajja tal-Armier. Huma kienu akkużati wkoll li żammew żewġ persuni kontra l-volontà tagħhom u li kkaġunaw feriti gravi fuq wieħed mill-persuni, tant li kien għamel xi jiem fil-periklu tal-mewt u sofra diżabilità.

Il-Pulizija kienet sabet ir-raġel f’għadira demm u lir-Rumena marbuta ma’ siġġu. Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, iż-żewġt irġiel kienu wieġbu mhux ħatja tal-akkużi.

X’ġara fl-2018?

Iż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ Eleonor, ir-raġel tagħha u r-raġel Russu, tressqu l-Qorti akkużati li wettqu diversi serqiet fil-perjodu meta kienu fuq ħelsien proviżorju mill-arrest. Huma kienu akkużti b’serq aggravate minn boathouse fl-Armier. Mangion kien akkużat b’serq aggravate minn appartament f’San Ġiljan fit-13 ta’ Settembru tal-2018 u serq minn appartament f’Tas-Sliema fis-27 ta’ Settembru tal-istess sena. Hu kien akkużat ukoll li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet għall-bail li kienu assigurati b’garanzija ta’ €76,000. Hu kien wieġeb mhux ħati.

Intant, ir-Russu, kien akkużat  bis-serqa tat-13 ta’ Settembru u serqa oħra li tmur lura għas-17 ta’ Diċembru tal-2015, li aggredixxa spettur tal-pulizija u żewġ uffiċjali fit-3 ta’ Ottubru ta’ din is-sena u li falla milli josserva mhux inqas minn erba’ settijiet ta’ kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest.