Għaddew 5 ijiem u l-Libja ma ġietx diskussa – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Parlament Malti għandu b'mod urġenti jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti fil-Libja, li sejra mill-ħażin għall-agħar.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni fil-Parlament biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi diskussa.  Żied jgħid li minkejja li għaddew ħamest ijiem, il-Gvern għadu ma weġibx għal din it-talba.  
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li kemm il-mozzjoni kif ukoll l-appell tal-lum, saru wara aħbarijiet xejn sbieħ mil-Libja, speċjalment wara li ġie żvelat li bosta persuni Maltin mhux qed isibu għajnuna mill-Ambaxxata Maltija.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tinsisti li d-dibattitu fil-Parlament isir b'mod urġenti, u ċertament qabel il-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf. Il-PN sostna li f'dan id-dibattitu, il-Gvern għandu wkoll jagħti rendikont ta' xi pjani għandu għall-possibilita' ta' evakwazzjoni tal-Maltin mill-Libja.