Għaddew 3 ijiem u l-ebda ħjiel x’se jagħmel il-President

Miguela Xuereb

Read in English.

Minkejja li l-President George Vella ilu tlett ijiem li lesta l-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, huwa għadu ma ta l-ebda ħjiel pubbliku jekk iddeċidiex jew le li jneħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u floku jaħtar lil Therese Comodini Cachia.

Sadanittant qed isir ħafna lobbying mal-membri tal-Eżekuttiv tal-PN kemm mill-kamp favur Delia kif ukoll minn dawk li jriduh jispiċċa minn Kap tal-Oppożizzjoni. Il-laqgħa se ssir għada t-Tlieta filgħaxija.

Djarju kważi vojt

Skont id-djarju pubbliku, illum il-President kellu attività waħda biss. Fis-2pm huwa ppresieda laqgħa tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Skont l-istess djarju l-President ma kellux attivitajiet pubbliċi la l-Ħadd u lanqas is-Sibt. Huwa probabbli li fl-istess jiem il-President kellu laqgħat mal-konsulenti legali tiegħu u ħin ta’ riflessjoni biex jasal għal deċiżjoni. Mis-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt jidher li l-President sab li l-maġġoranza tal-membri tal-Oppożizzjoni ma jridux lil Adrian Delia jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni. Jidher li l-President iżda għadu jtella’ u jniżżel dwar x’għandu jagħmel wara li jispiċċa Delia.

Tliet esperti kostituzzjonali qalu pubblikament li l-President għandu jaħtar lill-membri tal-Oppożizzjoni bl-akbar appoġġ. Persuni li isimhom mhux magħruf li qed jagħtu parir lill-President qed jagħtuh għażliet differenti li skonthom huma permessi mill-Kostituzzjoni. Parir wieħed hu li l-ewwel ineħħi lil Delia u ftit wara jerġa’ jagħmlu. Meta l-President semma din it-teorija waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni r-risposta kienet: “jekk ikollok travu msewwes u tħeħħih tista’ terġa’ tagħmel l-istess travu?”

Proposta oħra quddiem il-President hija li jneħħi lil Delia u ma jagħmel xejn aktar. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li f’dan il-każ allura jrid ikun il-Partit Nazzjonalista li jara x’se jagħmel jew inkella l-Qorti Kostituzzjonali.

Il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd tkellem b’mod u manjiera li jidher li jaqbel li l-kwistjoni ma għandhiex tissolva mill-President iżda mill-PN. Il-midja tal-Partit Laburista ilha ġranet tagħmel kampanja favur Adrian Delia.

Stephen Spiteri ma jweġibx lil Newsbook.com.mt

Kienu 19-il membri eletti tal-Partit Nazzjonalista, tnejn minnhom fil-Parlament Ewropew, illi f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari nhar it-Tlieta, għaddew vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia. Kien hemm 11-il membru, inkluż Delia nnifsu, li qalu li għandhom fiduċja f’Delia.

Dalgħodu d-deputat Stephen Spiteri f’kumment editjat u mxandar fuq One News inftiehem jgħid li minkejja li kien wieħed mid-19 li sfiduċjaw lil Delia, astjena meta mar għand il-President. Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja lil Spiteri biex jiċċara jekk kienx qed jgħid li astjena dwar jekk Delia għandux jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni jew jekk astjeniex meta l-President staqsieh jekk Therese Comodini Cachia għandhiex teħodlu postu. Spiteri ma weġibx għat-telefonati ripetuti minn Newsbook.com.mt

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt iżda li ma rnexxilniex niċċekkjaw indipendentament qalulna li hemm indikazzjoni li xi ħadd minn dawk li vvutaw favur Delia seta’ biddel il-vot tiegħu meta mistoqsi mill-President.

L-Eżekuttiv tat-Tlieta jista’ jħoll u jorbot

Waqt li l-pajjiż qed jistenna d-deċiżjoni tal-President, fil-Partit Nazzjonalista qed isir ħafna lobbying għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tat-Tlieta.  Is-sorsi tagħna qalulna li din tista’ tkun laqgħa li tħoll u torbot.

Sal-ħin li qed niktbu m’hemm l-ebda mozzjoni quddiem l-Eżekuttiv biex jiġi sfiduċjat Delia kif ma hemm l-ebda mozzjoni biex jitkeċċew mill-PN id-19-il membru fil-Parlament Malti u dak Ewropew li sfiduċjaw lil Delia.

Iżda fuq il-mezzi soċjali u fost il-grassroots tal-PN, uħud mill-kamp ta’ Delia qed jgħidu li l-Eżekuttiv għandu jkeċċi lil dawn id-19-il MP. Meta Newsbook.com.mt l-Ħadd staqsa lil Delia jikkonfermax jew jiċħad li huwa se jitlob biex dawn jitkeċċew weġibna b’mod li jinftiehem li mhux se jagħmel hekk.