Għaddejja investigazzjoni f’Mater Dei dwar il-każ taż-żagħżugħ li ppoża ta’ tabib

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne talab li ssir investigazzjoni interna fuq il-każ ta’ Michael Camilo Precth, li ppoża ta’ tabib fl-isptar Mater Dei.
Din l-investigazzjoni mistennija tiddermina kif dan ir-raġel ta’ 25 sena daħal fl-isptar Mater Dei u eżamina pazjenti meta ma kellux il-kwalifiki meħtieġa.
Mhux eskluż li l-investigazzjoni se tiddermina wkoll min awtorizza jew ħalla jidħol lil Precht f’Mater Dei u s-swali tal-isptar.
Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lit-tmexxija tal-Isptar u s-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa fosthom jekk it-tmexxija tal-Isptar kienx jaf b’din il-persuna u jekk kienx hemm pazjenti li nfurmaw lit-tmexxija ta’ Mater Dei b’dak li kien qed jiġri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, Ivan Falzon ikkonferma li tinsab għaddejja din l-inkjesta interna.
Fil-Qorti, Michael Camilo Precth, li għandu 25 sena u li jgħix l-Imsida, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fost l-oħrajn li kien qed jilgħabha ta’ tabib f’uffiċċju f’Mater Dei.
Huwa kien akkużat li eżamina u daħak bi tliet pazjenti nisa, kif ukoll li assaltahom b’mod vjolenti u indiċenti.
Precht ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin.