Għaddej xogħol ta’ tiswija fil-Balluta

Bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ tiswijiet fi strutturi li jiffurmaw parti mill-promenade tal-Balluta f’San Ġiljan.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport qal li dan ix-xogħol seta’ jsir mingħajr ma jaffettwa l-użu tal-promenade għax kien ikopri tiswija minn taħt ta’ soqfa fl-imsemmi promenade.

Minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Ottubru issa se tibda l-fażi tax-xogħol li se taffettwa l-passaġġ tan-nies f’din il-parti tal-promenade. Ix-xogħol se jikkonsisti fil-qlugħ ta’ madum miksur, tqegħid ta’ waterproofing membrane fuq is-soqfa fejn saru tiswijiet strutturali, tqegħid ta’ pavimentar ġdid u l-bdil ta’ elementi strutturali li sofrew deterjorazzjoni tul is-snin, b’soqfa tal-konkos rinfurzat ġodda. Fl-istess perjodu se jsir ukoll xogħol fuq il-moll tal-baħar taħt din il-parti tal-promenade.

Dan wara li l-awtoritajiet għamlu l-istudji neċessarji qabel ma bdew u issa qed jitkomplew ix-xogħlijiet pjanati.

Minħabba l-esiġenzi ta’ dan il-proġett u x-xogħlijiet li se jsiru, il-pubbliku huwa infurmat li se jkun hemm il-ħtieġa li l-aċċess għall-pubbliku minn fejn in-Neptunes WPC sa ħdejn Barracuda Restaurant ikun temporanjament magħluq. Se jkun hemm sinjali fuq is-sit li jindikaw li l-pubbliku jrid jaqsam mill-pedestrian crossing ta’ fejn Neptunes WPC u jimxi fuq il-bankina tan-naħa l-oħra tat-triq sa fejn it-trafficlights biswit Old College Street.

Il-waqfa tal-linja bl-isem Balluta fid-direzzjoni lejn il-Belt se tkun magħluqa għat-tul kollu ta’ dawn ix-xogħlijiet. Din il-waqfa se tkun sospiża sakemm jinħareġ avviż li jindika l-ftuħ tat-tali waqfa.