“Għadda term u l-istudenti għadhom bla Arti, Mużika u Xjenza”

Hekk kif l-ewwel parti ta’ din is-sena skolastika riesqa fi tmiemha, xi ġenituri wrew it-tħassib tagħhom li l-istudenti għadu ma kellhomx lezzjoni waħda ta’ suġġetti bħall-Arti, il-Mużika u x-Xjenza din is-sena.

Meta Newsbook.com.mt kien ikkuntattja lill-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq din il-kwistjoni x-xahar li għadda, il-Ministeru kien iġġustifika dan billi qal li minħabba l-pandemija, żdiedu l-klassijiet u b’hekk żdiedet id-domanda għall-għalliema. Allura l-għalliema perapatetiċi li jgħallmu suġġetti bħall-Arti, ix-Xjenza u l-Mużika kienu qegħdin jgħallmu klassijiet sħaħ tal-primarja minflok is-suġġetti tagħhom.

Madankollu, uħud ilmentaw li hemm xi għalliema li ma ngħatawx klassi tal-primarja, u xorta waħda mhux qed jagħmlu lezzjonijiet. Spjegaw li dawn l-għalliema jkunu l-iskola għal ġranet sħaħ u xorta waħda ma jagħtux lezzjonijiet.  

“It-tfal qed jitħallew waħedhom mingħajr nurture teachers”

Apparti din il-kwistjoni, hemm ukoll il-kwistjoni tal-għalliema tal-klassi tan-nurture, jew nurture teachers kif inhuma magħrufin. Dawn l-għalliema jgħinu lil tfal li jaffaċċjaw xi problemi. Madankollu, minħabba l-Covid-19, dawn l-għalliema qegħdin jieħdu post għalliema morda jew li jkunu kwarantina.

Għalhekk, spjega sors ta’ Newsbook.com.mt, fiż-żmien tal-pandemija, li jaf ikun aktar ta’ diffikultà għal xi studenti, dawn qed jitħallew mingħajr għajnuna.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Owen Bonnici li dak iż-żmien kien Ministru għall-Edukazzjoni, kien qal illi l-pandemija ġabet diffikultajiet ġodda magħha u li l-Ministeru kien qed jaffaċċjahom kif jista’ bir-riżorsi li għandu.

L-ispjega tal-Ministeru

F’Novembru, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien spjega li meta nħarġu l-linji gwida għall-istituzzjonjiiet edukattivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, wieħed mill-prinċipji bażiċi li kellu jinżamm kien id-distanza ta’ metru u nofs bejn l-istudenti u żewġ metri bejn l-għalliem u l-istudent. Dan fisser ftuħ ta’ aktar klassijiet minn dak stipulat normalment, speċjalment fl-iskejjel primarji. Għalhekk kien hemm il-ħtieġa, anke wara li kienu ġew impjegati l-għalliema kollha fuq ir-riżultati pendenti, li għalliema li jagħtu servizzi fil-primarja ta’ suġġetti bħall-Arti, l-Etika, il-Mużika, l-Edukazzjoni Fiżika, il-PSCD u servizzi (Early Intervention, Anti-Bullying, eċċ.), jgħinu f’din is-sitwazzjoni.

B’hekk, inħarġet sejħa ta’ interess fit-2 ta’ Ottubru għal dawn l-għalliema biex l-ewwel juru huma l-interess tagħhom. Wara din is-sejħa li fiha xorta ma rrikorrewx biżżejjed għalliema għall-ammont ta’ klassijiet li nfetħu, ġew mitluba għalliema skont is-seniority u bi qbil mal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT), biex jieħdu klassi tal-primarja.

Il-Ministeru kien qal ukoll li kien għaddej b’diskussjonijiet mal- MUT dwar kif l-għalliema peripatetiċi (ta’ dawn is-suġġetti) u tas-servizzi fil-primarja li ma ħadux klassi u li ħadu post għalliema oħra, jistgħu joffru s-servizzi tagħhom għall-ġid tal-istudenti.

Dwar l-istudenti vulnerabbli li mhumiex jattendu l-iskola

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fil-Parlament jekk it-tfal vulnerabbli li mhumiex jattendu l-iskola jistgħux jibqgħu jingħataw is-servizz ta’ LSE ġo darhom.

Il-Ministru Caruana wieġbet li l-istudenti vulnerabbli baqgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tal-LSE u qed igawdu mis-servizzi edukattivi virtwali u l-lezzjonijiet rekordjati mtellgħin fuq is-sit Teleskola.