Għadd ta’ proġetti ta’ restawr fil-Kottonera

Preżentament għaddejjin għadd ta’ proġetti ta’ restawr fil-Kottonera.
Waqt is-sensiela ta’ laqgħat Wirt il-Kottonera: Wirt Pajjiżek, il-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi elenka x-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir fil-Kottonera.
Spjega li f’Bormla qed issir manutenzjoni fuq il-faċċati tal-Każin Banda San Ġorġ u xogħol ta’ restawr fuq il-kaxxarizzi tal-injam fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali.
Tenna li wara li tlesta x-xogħol ta’ restawr tal-faċċati tal-Knisja ta’ Santa Tereża, se jinstallaw sistema ta’ dawl arkitettoniku u se jsir restawr fuq l-istatwa ta’ San Elija.
Qal li fil-Birgu għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-kjostru tal-kunvent tad-Dumnikani.
Spjega li wara li tlesta x-xogħol, fuq l-istatwa tal-Vitorja fil-każin tal-Banda San Lawrenz, qed isiru wkoll xogħlijiet preparatorji sabiex jiġi rrestawrat it-taraġ estern tal-knisja ta’ San Lawrenz.
Fl-Isla tlestew ix-xogħlijiet preparatorji għar-restawr tal-faċċati esterni tal-knisja ta’ San Ġiljan, kif ukoll inħareġ il-permess tal-MEPA għar-restawr tal-koppla tal-knisja parrokkjali Maria Bambina.
Sar ukoll xogħol fuq il-monument tal-gwerra, fejn tlestew ix-xogħlijiet preparatorji sabiex il-monument tal-gwerra jinbidel għal bronż.
Elenka wkoll dwar xogħlijiet preparatorji għar-restawr tal-faċċata tat-torri tal-Arloġġ tal-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara u xogħlijiet preparatorji biex jiġi ppreservat il-kor tal-injam.
Ritratt: DOI:Jason Borg