Għadd ta’ ħaddiema pubbliċi b’talbiet għal teleworking temporanju – Segretarju Permanenti Ewlieni

Il-Kap taċ-Ċivil irrevoka l-miżura tat-telework - UĦM

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li għadd ta’ ħaddiema pubbliċi għamlu talbiet għal teleworking temporanju minħabba ċirkostanza jew oħra.

Fi stqarrija l-Uffiċċju akkuża lill-UĦM – Voice of the Workers li tat impressjoni “skorretta” dwar it-teleworking fis-settur pubbliku.

Fi stqarrija l-UĦM qalet li tinnota b’sodisfazzjon in-numru kbir ta’ ġenituri u nies vulnerabbli membri tal-UĦM li segwew id-direttiva tagħha li jibqgħu jaħdmu mid-dar.

“Wara li l-Kap taċ-Ċivil irrevoka l-miżura tat-telework, u li allura fissret li kull impjegat fis-Servizz u Settur Pubbliku kellu jirritorna fiżikament fil-post tax-xogħol b’effett mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju, il-UĦM ordnat direttiva biex il-ħaddiema li huma ġenituri bi tfal żgħar u ma kellhomx ma’ min iħallu lil uliedhom kif ukoll persuni vulnerabbli, jibqgħu jaħdmu mid-dar,” qalet il-UĦM.

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-gvern ma neħħiex it-teleworking.

Kemm saru talbiet għat-teleworking?

F’April il-MP tal-PN Karol Aquilina staqsa lill-PM Robert Abela kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Abela ma tax ċifri. Qal li jinsab “infurmat li d-Direttiva 13 tisħaq li f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19 xogħol li jista’ jsir remotament, isir hekk. Din mhix kwistjoni ta’ talbiet formali imma ta’ arranġament biex titrażżan l-imxija msemmija.”

Risk assessments li ma ġewx attwati – UĦM

Il-UĦM qalet ukoll li hemm risk assessments li ma ġewx attwati jew li ma ġewx imfasslin u li dan kien se jpoġġi f’riskju kbir is-saħħa u s-sigurtà tagħhom. Is-Segretarju Permanenti ma qal xejn dwar risk assessments fit-tweġiba tiegħu.

L-Uffiċċju qal li saret analiżi biex ikun magħruf x’jista’ jitjieb kemm fl-istrutturi u kemm fit-teknoloġija bil-għan li, permezz ta’ remote working, ikun hemm bilanċi ġodda bejn il-ħtiġijiet tas-servizz u tal-impjegat.

“Ir-realtà hija li s-Servizz Pubbliku ilu snin twal iħaddem sistemi ta’ flessibilità fix-xogħol tiegħu, inkluż it-teleworking, tant li s-Servizz Pubbliku huwa leader fis-soċjetà tagħna dwar dan il-qasam. Hekk hu u hekk se jibqa’. Anzi, determinati li nkomplu nibnu fuq dak il-vantaġġ.”

“L-istess ċirkulari tat-Tlieta li għadda mis-Segretarju Permanenti Ewlieni kienet tgħid li kulħadd għandu jerġa’ lura mil-lum għall-iskeda ta’ xogħol li kellu qabel tfaċċat il-Covid-19. Ċara li min kien jaħdem bit-teleworking approvat qabel il-pandemija, ikompli b’dik l-iskeda ta’ xogħol.”

“Il-managements tad-dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi ilhom snin bil-fakultà li japprovaw huma talbiet mill-impjegati għal teleworking,” qal l-Uffiċċju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn