Għadd kbir ta’ impjiegi mal-Gvern f’Għawdex qabel l-elezzjoni

Fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni, f’Għawdex ingħataw numru kbir ta’ impjiegi mal-Gvern jew ma’ kumpaniji tal-Gvern, permezz ta’ sub-contractors.
Sorsi infurmati sew li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li mal-115-il persuna bdew joffru servizz lill-kumpanija Gozo Channel, madwar ġimagħtejn qabel l-elezzjoni ġenerali. 
Minkejja li ċ-Ċermen tal-kumpanija Joe Cordina ċaħad ‘ingaġġ’ ta’ impjegati ġodda, huwa ma ċaħadx li dawk kienu jew seconded mal-kumpanija jew kienu qed jaħdmu magħha permezz ta’ sub-contractors. Dawn il-ħaddiema qed joffru servizzi ta’ mooring, uffiċjali tas-sigurtà u cleaners.
Sorsi qrib kumpanija li tmexxi supermarkets f’Malta u  f’Għawdex qalu ma’ Newsbook.com.mt li wħud mill-impjegati tagħhom ingħataw xogħol mal-Gvern, jiem qabel l-elezzjoni. Żiedu jgħid li l-impjegati qalulhom li skont l-offerta li ngħatatilhom, jistgħu jkollhom impjieg full-time mal-Gvern u jżommu l-impjieg full-time magħhom.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li kumpaniji oħra ewlenin, bħal Magro Brothers, ukoll spiċċaw b’inqas impjegati, li għażlu l-impjieg mal-Gvern li ġie offrut lilhom fl-aħħar ġimgħat. Minkejja li ċempilna kemm-il darba lill-kumpanija, qatt ma ġejna mgħoddija mal-persuna responsabbli.
L-istess sitwazzjoni għaddew minnha kumpaniji tal-għamara, tal-irħam u anke ristoranti. Il-kumpaniji li kkonfermawlna dan għamlu hekk bil-kundizzjoni li ma nsemmuhomx.
Uħud qalu li kien il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, li offrielhom impjieg maċ-ċivil, b’paga minima.
Nhar is-Sibt li għadda, il-maġġoranza tal-votanti Għawdxin (51.23%) ivvutaw lill-Partit Laburista, filwaqt li 12,361 ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista (47.85%).
Anton Refalo, li sa nhar is-Sibt li għadda kien Ministru għal Għawdex, tela’ elett mal-ewwel għadd, b’4,853 vot. Il-kwota tat-13-il distrett kienet ta’ 4,306 voti. Minkejja dan is-suċċess elettorali, Refalo ma ngħatax ministeru, deċiżjoni li xejn ma niżlet tajjeb miegħu u man-nies qrib tiegħu.