Ghadames Air se tibda topera titjiriet minn Tripli lejn Malta

Midja Libjana qed tirrapporta li l-kumpanija privata Ghadames Air se tibda topera titjiriet mill-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli lejn Malta.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li dawn it-titjiriet jistgħu jibdew minn għada wara nofsinhar, għalkemm il-ħinijiet għadhom ma ġewx definiti.
Ghadames Air qed tippjana li jkollha titjiriet regolari matul il-ġimgħa kollha, hekk kif akkwistat il-permessi meħtieġa biex topera dawn it-titjiriet.
Il-midja Libjana qed tirrapporta li dawn it-titjiriet mistennija li jkunu aktar kompetittivi minn dawk li qed topera l-Medavia.
Fil-preżent, il-Medavia hija l-unika kumpanija b’titjiriet minn Malta għal-Libja.
Minħabba direttiva Ewropea, kumpaniji rreġistrati fil-Libja ma jistgħux jagħmlu titjiriet diretti lejn ajruporti ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
L-aħħar każ kien fuq titjira tal-Afriqiyah Airlines, fejn l-ajruplan ma tħalliex jgħaddi minn Ċipru biex imur Istanbul. 

Ritratt: Sergei Kustov