Għadam

Ritratt: Tanya Zammit

Riċetta u ritratt ta’ Tanya Zammit

Ingredjenti

L-għaġina

250g dqiq self-raising

100g icing sugar

100g marġerina

1 qoxra maħkuka ta’ lumija

1 bajda

Il-mili

100g intrita

80g icing sugar

nofs kuċċarina essenza tal-vanilla

1 bajda mħabbta

4 mgħaref lewż inkaljat imfarrak

Il-ġelu

6 mgħaref icing sugar

1 mgħarfa ilma

Lewż inkaljat imfarrak

Metodu

Saħħan il-forn għal 177˚Ċ/350˚F

Biex tagħmel l-għaġina

F’bieqja ħawwad flimkien id-dqiq, l-icingsugar u l-qoxra tal-lumija maħkuka. Żid il-marġerina  u aħdem b’idejk sakemm it-taħlita tiġik qisha frak tal-ħobż. Żid il-bajda, ifforma l-għaġina u daħħalha fil-friġġ għal 30 minuta mgeżwra fil-cling film.

Biex tagħmel il-mili

Ħallat flimkien l-intrita, l-icing sugar u l-lewż maħkuk imfarrak.

F’bieqja oħra żid l-essenza tal-vanilla mal-bajda mħabbta u żid mal-intrita. Ifforma f’ballun.

Ifrex l-għaġina b’lembuba għal ħxuna ta’ qies medju. B’sikkina aqta’ forom rettangulari ta’ 15cmx7cm. Issa poġġi ftit intrita fuq l-għaġina maqtugħa, ippinzellaha bl-ilma u għatti l-intrita b’biċċa għaġina oħra. Agħfas il-ġnub biex jibqgħu magħluqa waqt li jkunu fil-forn.

Oqros il-ġnub biex tagħti  dehra ta’ għadam. Aħmi għal madwar 15-20 minuta.

Biex tagħmel il-ġelu

Ħallat l-icing sugar mal-ilma u ferragħ fuq l-għadam.

Roxx lewż inkaljat imfarrak fuq il-ġelu.