“Għada titħabbar il-Kummissjoni li se tagħmel ir-riformi fil-Qrati” – Prim Ministru

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat ħabbar li għada se jitħabbar kif ser tkun iffurmata l-Kummissjoni li ser tagħmel reviżjoni tas-sistema tal-ġustizzja sabiex ikunu jistgħu jibdew jitwettqu r-riformi meħtieġa fil-Qrati tal-pajjiż.

Meta kien qiegħed jindirizza miġemgħa f’Tas-Sannat, Għawdex, bħala ringrazzjament wara r-rebħa elettorali tad-9 ta’ Marzu, Dr Muscat saħaq li se jibdew jingħataw l-ewwel sinjali sabiex titnieda l-Konvenzjoni Kostituzzjonali, sabiex fi kliemu titwelled it-tieni repubblika li tkun taħdem b’mod indipendenti u li tkun tirrifletti lil kulħadd.

Filwaqt li għamel referenza għal-laqgħa li kellu lbieraħ mal-Isqfijiet Maltin u anki għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien, il-Prim Ministru qal li Għawdex bagħat sinjal qawwi ta’ bidla fejn il-Partit Laburista tella’ 3 deputati, filwaqt li tenna li dan ir-rizultat jitfa’ aktar responsabbilita’ fuq spallejn il-Gvern il-ġdid.

Dwar aktar xogħol għall-Għawdxin, Dr Muscat spjega kif għandu jkun hemm il-proġetti tant meħtieġa sabiex ikun aġevolat it-turizmu, filwaqt li qal li għandu jibda l-proċess sabiex dawk il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta, jibdew jaħdmu f’Għawdex stess.

Fl-aħħarnett il-Mexxej Laburista saħaq li l-Partit immexxi minnu se jkompli jiġġedded ukoll permezz tal-Konferenza Ġenerali li mistennija ssir lejn l-aħħar ta’ April.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.