Għada se tinfetaħ il-mina tal-Università

Transport Malta ħabbret li minn għada, l-istudenti tal-Università u l-karozzi li jgħaddu mill-Università għall-Gżira jistgħu jużaw il-mina mar-ring road li tgħaddi taħt il-bypass tal-Kappara.
Fi stqarrija, Transport Malta qalet li għal dawn l-aħħar ġimgħat il-mina ma kinitx aċċessibli minħabba li kienu qegħdin isiru numru ta’ xogħlijiet.
Spjegat li l-mina kellha tinbena mill-ġdid waqt li kienet għaddejja bix-xogħlijiet għall-Proġett tal-Kappara.
Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu li titwessa’ l-mina, ssir aktar sikura u iktar addattata għall-esiġenzi tal-Università tal-lum.
Il-mina tlestiet waqt ix-xogħlijiet tal-proġett tal-Kappara. L-Università mbagħad talbet lil Transport Malta biex twessa’ wkoll it-triq li twassal għaliha. Għaldaqstant, l-Awtorità bdiet twessa’ din it-triq minnufih.
F’Jannar li għadda, għadd ta’ studenti tal-Università ta’ Malta esprimew il-frustrazzjoni tagħhom mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) peress li l-mina, deskritta bħala waħda mill-entraturi tal-Università, kienet għadha magħluqa minkejja li l-proġett tal-Kappara suppost kien tlesta.