Għada se jgħaddu nies mill-MIA daqs kemm jgħaddu f’Awwissu

Hekk kif bħalissa ħafna jiddeċiedu li jieħdu l-liv u jsiefru xi mkien, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) qed tistenna li għada jkun l-aktar jum impenjattiv f’dil-ġimgħa, hekk kif 21,500 passiġġier se jaqsam mill-MIA.
L-MIA qalet li normalment, dawn iċ-ċifri jintlaħqu f’Awwissu. Irrimarkat li għall-Ġimgħa l-Kbira l-ajruport mistenni jara 140,000 passiġġier.
Kompliet billi wissiet lill-konsumaturi li minħabba f’hekk, ikun jaqbel li jkunu kmieni l-ajruport, speċjalment minn għada bejn is-7.15 am u s-1pm għas-sitt xhur li ġejjin. Dan ukoll minħabba l-programm Cruise and Fly li se jkun qed jopera.
Fil-fatt, minbarra l-festi u dan il-programm, l-MIA qalet li fattur ieħor għal diż-żieda hija l-iskeda tas-sajf, b’aktar rotot u linji tal-ajru ġodda.
Barra minn hekk, f’dan iż-żmien se jkun hemm fl-ajruport animaturi li se jqassmu kotba u kuluri lill-passiġġier ż-żgħar, kif ukoll Fenek tal-Għid li se jkun qed iqassam bajd tal-għid.