Għada se nżidu l-pensjonijiet – Muscat

PL

Għada f’Jum il-Baġit se titħabbar żieda fil-pensjonijiet skont il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Muscat qal dan illum waqt attività politika f’Ħal Għaxaq, però ma speċifikax kemm se tkun kbira ż-żieda. Spjega li n-nies jistgħu jistennew “serħan il-moħħ” permezz tal-baġit tal-2020.

“M’hu ħa nżidu xejn lil ħadd,” ħabbar Muscat.

Waqt id-diskors tiegħu, Muscat qal li l-prinċipji tal-Gvern tiegħu huma “ċarissimi” u li jistgħu jsiru l-affarijiet li qed isir għax Malta qed tkompli tikber.

Filmat: Żieda fil-pensjoni fil-baġit li jmiss – Muscat

Fi kliem Muscat, il-gvernijiet li mexxa hu solvew il-problemi kollha li wiret seba’ snin ilu fosthom il-qagħad, kontijiet għoljin, u l-qasam tas-saħħa. Qal li hemm problemi infrastrutturali li għadhom iridu jissolvew.

Qal li dawk li se jivvotaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss kellhom sitt snin fl-2013 meta tela’ l-Gvern Laburista. Qal li dan ifisser li ma jafux x’jiġifieri mediċini out-of-stock u skemi bħal tal-first-time buyers.

Muscat semma’ li Malta qed taffaċċja sfidi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ż-żieda tal-barranin.

Muscat qal ukoll li fl-aħħar seba’ snin l-ekonomija Maltija rdoppjat għal €14-il biljun. Qal li t-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskola se jibqa’ hemm “għal dejjem”.

“Il-baġit tal-Gvern illum huwa ta’ €5 biljuni,” qal Muscat. Fil-fehma tiegħu hemm bżonn li jinbidel il-mudell ekonomiku ta’ Malta.

Il-mexxej tal-Partit Laburista tkellem ukoll dwar il-qalba lejn il-vetturi elettriċi. Qal li jrid isir pjanar dwar rati preferenzjali għal min jiċċarġja l-karozza tiegħu bil-lejl u jekk il-pompi tal-petrol jistax ikollhom post fejn wieħed iqabbad il-karozza tiegħu.

Muscat kien ħabbar li se tiżdied il-pensjoni f’dan il-baġit f’Mejju li għadda.

Dikjarazzjonijiet surreali – PN

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-istess ġimgħa fejn tħabbar li “sieħeb Muscat James Piscopo ingħata ħalq ieħor minn fejn jiekol biex issa ser jibda jaqla mal-€100,000 fis-sena, illum Muscat mar jgħid illi l-ġid qiegħed imur għand kulħadd speċjalment għand dawk li għandhom bżonn. Dan meta l-ħaddiema u l-middle class qegħdin jesperjenza morsa doppja fejn il-pagi huma l-inqas li qed jiżdiedu fl-Ewropa”.